LIFT – Living in Friendship Together

Website

www.mclift.org

LIFT: – “Living in friendship together” – hu l-motto ta’ grupp ġdid taż-żgħażagħ li ġie ffurmat minn 7 membri li jaħdmu id f’id sabiex jagħtu kemm jistgħu lil żgħażagħ oħra. Fost dan il-grupp ta’ żgħażagħ hemm Fr Ray Francalanza li ħadem bis-sħiħ sabiex f’nofs il-qofol tad-divertiment f’Malta, propju f’ Paceville, joħloq dan il-grupp ta’ żgħażagħ fi ħdan il-Millennium Chapel – kappella mmexxija mill-Agostinjani.

LIFT twaqqaf formalment għall-ħabta ta’ Ġunju 2006 għalkemm fil-verità dil-mixja kienet ilha li bdiet, grazzi għall-quddiesa ta’ kull nhar ta’ Sibt fid-9.30pm li ssir fil-Kappella tal-Millenju u li dejjem inżammet bħala appuntament ta’ kull ġimgħa. Hekk kif sar dal-pass mill-ewwel bdew isiru laqgħat regolari sabiex il-grupp jagħraf eżattament liema udjenza ser jilhaq u anke b’liema mod ser jaffettwa l-ħajja taż-żgħażagħ li jsiru membri tiegħu. L-età magħżula kienet dik ta’ bejn it-18 u l-35 sena u l-mod ta’ kif xtaqna ngħinu lill-membri tagħna kien propju billi noħloqu ċirku ta’ ħbiberija, kunċett li kien ħafna għal qalb Santu Wistin ta’ Ippona, li hu l-missier spiritwali tar-reliġjużi agostinajni.

Illum dan il-grupp evolva, organizza numru ta’ attivitajiet kbar u qed jaħdem biex jolqot aktar nies, ta’ kull sess, lokalità, livell soċjali jew kulur politiku. Biex tissieheb ma’ LIFT ma trid l-ebda password jew username. Kull ma trid tagħmel hu li tattendi attività mill-ħafna li norganizzaw u mill-ewwel tħossok wieħed minna. It-tim tagħna jaħdem bis-sħiħ biex jara li kulħadd jintegra tajjeb fil-grupp.

Attivitajiet isiru ta’ kull xahar u jvarjaw minn mumenti ta’ talb flimkien, films, ikliet, BBQs, xi ġurnata baħar jew xi irtir. Is-suċċess tal-grupp ma jitkejjilx fuq kemm jattendu nies għall-attivitajiet, iżda kemm in-nies li jattendu jieħdu gost. U dan qatt ma naqas. Is-sigriet f’dal-grupp hu li qed inżommuh informali ħafna u li kulħadd iħossu komdu, maħbub u aċċettat kif inhu…kif kien iħobb jgħid Santu Wistin ‘Ħobb u agħmel li trid’.

Kull min jixtieq li jsir jaf aktar dwar l-għaqda jista’ jżur il-website http://www.mclift.org/ jew jibgħat e-mail fuq [email protected]. Min irid huwa mistieden ukoll li jingħaqad magħna kull nhar ta’ Sibt fid-9.15pm għall-quddiesa fil-Kappella tal-Millenju f’ Paceville. Dal-mumenti li nqattgħu flimkien qed jgħinuna nsiru nafu iktar lil Alla, il-ħajja u lil xulxin.

Lift Team

Jekk tixtieq tagħmel kuntatt magħna, tista’ tuża l- e-mail [email protected].

Tista’ tagħmel kuntatt mat-Team ta’ LIFT billi tagħfas wieħed mill-ismijiet ta’ hawn taħt

President

Fr. Ray Francalanza

Segretarju Ġenerali

Ray Bartolo

Kaxxier

Maria Alessandro

Segretarju Amministrattiv

Katya Lautier

PRO

Anton De Bono

Tikkordina l-attivitajiet

Stephania Aquilina

IT & Media

Conrad Dimech