• L-Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Konkatidral ta’ San Ġwann

    8 ta’ Settembru 2017

    “Aħna nafu li ma’ dawk li jħobbuh, Alla f’kollox jaħdem id f’id magħhom għall-ġid ma’ dawk li huma msejħin skont il-providenza tiegħu” (ara Rum 8, 28). Dan l-ewwel vers mill-Qari li llum smajna mill-Ittra tal Appostlu Missierna San Pawl, kapitlu 8, hemm dawn il-verbi importanti ħafna u li jfissru ħafna fil-festa tal-lum, it-twelid tal-Verġni Mbierka: l-imħabba, il-ħidma għall-ġid, is-sejħa u l-providenza tal-Mulej.

    Illum qegħdin nifirħu għax fid-dlamijiet tal-istorja tal-bniedem, feġġ iż-żerniq, l-awrora.

    Nistgħu ngħidu li fit-twelid ta’ Marija, hemm espressjoni sabiħa u straordinarja tal-imħabba tal-Mulej li joffri lill-umanità ż-żerniq, l-awrora, qabel titla’ “x-xemx tal-ġustizzja” (Mal 4, 2).  Fil-liturġija antikissima tal-Knisja li għadna nitolbu bħal-lum għal dawn is-sekli, it-twelid ta’ Marija huwa l-awrora, huwa ż-żerniq; il-Milied imbagħad huwa l-mument meta tfeġġ ix-xemx tal-ġustizzja. U hemm il-kollegament bejn it-twelid tal-omm u t-twelid tal-Iben f’din l-immaġini taż-żerniq u tax-xemx tiela. Huwa l-istess Luqa li fil-kantiku ta’ missier il-Battista, ta’ missier San Ġwann, ta’ Żakkarija, isejjaħ il-mument li jfeġġ Ġesù “bħala x-xemx tiela” (Lq 1,78).

    Illum qegħdin nifirħu għax fid-dlamijiet tal-istorja tal-bniedem, feġġ iż-żerniq, l-awrora. U din hija espressjoni tal-providenza ta’ Alla u fil-koperazzjoni f’dan it-twelid tal-ġenituri ta’ Marija — ta’ Anna u ta’ Ġwakkin — hemm ukoll l-imħabba ta’ dawn iż-żewġ dixxipli devoti li jħobbu lill-Mulej u Alla jaħdem id f’id magħhom għall-ġid, mhux għall-ġid tagħhom stess, imma f’dan il-każ fit-twelid ta’ binthom Marija għall-ġid tal-umanità. Anna u Ġwakkin huma msejħin biex ikunu l-ġenituri ta’ omm Ġesù. Illum huma jsiru omm u missier u mat-twelid tat-tifel tagħha, isiru nanniet. Hija missjoni li tingħata lill-ġenituri ta’ Marija, li llum jifirħu bit-twelid tat-tifla tagħhom u fl-istess ħin aħna nifirħu magħhom għax f’din it-tifla li twelditilna llum naraw l-Omm ta’ Ġesù.

    San Pawl ikompli jagħtina verbi oħra importanti fil-mixja ta’ kull dixxiplu imma b’mod speċjali wkoll f’dan il-proċess tat-twelid u ta’ maternità antiċipata li qegħdin niċċelebraw llum. “Għarafhom mill-bidu, ippredestinahom, sejħilhom, iġġustifikahom, u sebbaħhom” (ara Rum 8, 29-30). Dawn il-ħames verbi huma kollha stages, huma kollha mumenti minn proċess li jgħaddi mill-għarfien għas-sebħ.

    Għarafhom: Ġeremija stess jgħid “għarafni sa mill-ġuf, sejjaħli sa mill-ġuf” (Ġer 1, 5), fil-qari li aħna nfakkru wkoll fit-twelid tal-Battista u li jiġi wkoll rifless fis-Salm 139 “mill-ġuf ta’ ommi sawwartni, għaraftni inti taf il-qagħda tiegħi u l-mixi tiegħi, inti taf ħsibijieti mill-bogħod” (ara P 139 13.1-2). Il-Mulej jagħraf u permezz ta’ dan l-għarfien iħobb, imma wkoll jagħti missjoni.

    Il-predestinazzjoni: din il-missjoni li jingħatha d-dixxiplu x’inhi? Biex jieħu s-sura xbieha ta’ Ibnu. Aħna qegħdin niċċelebraw it-twelid ta’ Marija, qed niċċelebraw ukoll il-predestinazzjoni tagħha, hija mnissla mingħajr tebgħa, li llum titwieled disa’ xhur wara għax hi wkoll kellha s-sejħa, kienet ippredestinata li tkun xbieha ta’ binha stess, l-omm li fil-grazzja ta’ Alla, issir xbieha ta’ binha.

    Imsejħa: Sidtna Marija fit-twelid tagħha hija wkoll imsejħa biex tkum omm iddedikata totalment lill-Mulej fil-verġinità tagħħa u fil-maternità tagħha.

    Hi kienet iġġustifkata — dan huwa r-raba’ verb — sa mill-bidu tat-tnissil tagħha, sa mit-tnissil tagħha. Dan huwa l-privileġġ li ngħata lil omm Ġesù, li l-ġustifikazzjoni tagħha hija preventiva, mhijiex meħlusa mid-dnub, imma mħarsa mid-dnub tan-nisel. Is-sebħ tagħha ċċellebrajnieh m’ilux fl-Assunta tagħha, imma wkoll fil-profezija li qalet għand Eliżabetta f’Għajn Karim, “minn issa ’l quddiem, kull nisel isejjaħli ħienja” (Lq 1, 48).

    Fl-istorja ta’ pajjiżna, dan il-jum huwa l-Jum tal-Vittorja. Qegħdin hawnhekk f’dik li kienet il-knisja konventwali tal-Ordni ta’ San Ġwann, u li hija parti minn proġett ambizzjuż li jiċċelebra l-vittorja tat-8 ta’ Settembru 1565. Fil-Port il-Kbir — mhux ’il bogħod minn hawnhekk — fit-8 ta’ Settembru 1943, il-Maltin setgħu jifirħu li almenu għal dawn il-gżejjer it-Tieni Gwerra Dinjija kienet spiċċat. Kellha tkompli bit-traġedji tax-xhur ta’ wara sat-8 ta’ Mejju 1945 u sal-15 ta’ Awwissu 1945 għax il-gwerra dinjija, kif tafu, spiċċat f’fażi progressivi li magħhom ġabu qerda kbira, il-qerda tal-ibliet fl-Ewropa, imbagħad il-qerda ta’ Nagasaki fil-Ġappun, bil-bomba atomika.

    L-Ewropa qiegħda ssofri mill-ġdid minn sentiment ta’ nazzjonaliżmu sfrenat, minn razziżmu li lanqas mhu mbiegħed minna u mill-mod kif nesprimu ruħna fuq is-social media.

    Aħna wkoll konna parti minn dan it-teatru ta’ qerda, ta’ mibegħda, ta’ aggressjoni, ta’ vjolenza u l-vittorja tagħna, flimkien mas-sidien kolonjali tagħna, il-Brittaniċi, kienet ir-rebħa fuq ir-razziżmu, fuq ideoloġija pagana, li tqis il-bnedmin differenti tant min xulxin li wħud minnhom setgħu jiġu esterminati, maqtula, maħruqa, iggassjati.

    Il-vittorja tal-aħħar assedju hija vittorja attwali għaliex l-għadu jibqa’ jerġa’ jinbet bħal budebbus u l-Ewropa qiegħda ssofri mill-ġdid minn sentiment ta’ nazzjonaliżmu sfrenat, magħluq fih innifsu — awtoreferenzjali — minn razziżmu li lanqas mhu mbiegħed minna u mill-mod kif nesprimu ruħna fuq is-social media.

    Għalhekk nikkonkludi bil-ħsieb li bih bdejt f’din l-Ewkaristija. Kemm il-vittorja tal-1565 li kienet vittorja oħra li assiguratilna l-ħelsien tar-reliġjon tagħna u l-ħelsien mill-iskjavità, għadha work in progress kif għadha wkoll work in progress il-vittorja fuq l-għadu fl-1943. Huma elementi negattivi li aħna rridu nibqgħu niġġieldulhom.

    Ir-rebħa li aħna niċċelebraw illum tagħtina tama, imma mhijiex l-aħħar kelma, tagħtina tama li s-sewwa jirbaħ, imma jirbaħ żgur? Jiddependi minna, mill-atteġġjament li nieħdu. Forsi aħna m’għadniex daqshekk konvinti daqskemm kienu missirijietna, li għandna nagħmlu ċerti battalji. Forsi ċedejna qabel bdejna niġġieldu. Għalhekk, ir-rebħiet, li huma rebħiet favur ċertu valuri fundamentali, jekk iridu jfissru xi ħaġa llum iridu wkoll iġegħluna, jinkoraġġuna nħaddnu l-valuri li jassigurawlna l-libertà vera, id-dinjità ta’ kull wieħed u waħda minna u fl-istess ħin ukoll il-fratellanza li hija l-bażi tal-vera ċiviltà.

     Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta