L-Arċisqof itemm żjara pastorali f'Londra

  • L‑Arċisqof Charles J. Scicluna llum temm żjara pastorali f’Londra, l‑Ingilterra, li matulha mexxa ċ‑ċelebrazzjoni tal‑festa tal-Madonna tal-Vitorja fl‑okkażjoni ta’ Malta Day – UK, u żar il‑pazjenti Maltin li qed jingħataw il‑kura f’Londra.

    Iċ‑ċelebrazzjoni tal‑festa tal‑Vitorja saret fil‑Katidral ta’ Westminster, is‑Sibt 9 ta’ Settembru, bħala parti mill‑attivitajiet organizzati mill‑Kummissjoni Għolja ta’ Malta f’Londra b’kollaborazzjoni mal‑għaqdiet tal‑Maltin fir‑Renju Unit.

    Waqt l‑omelija, l‑Arċisqof ħeġġeġ biex filwaqt li niċċelebraw ir‑rebħiet fuq l‑assedji li għaddiet minnhom Malta, nitolbu li nirbħu wkoll dawk l‑assedji li qed iħabbtu lis‑soċjetà tal‑lum. Mons. Arċisqof semma fost l‑oħrajn il‑ħtieġa li niddefendu l‑valuri tal‑familja u li nħarsu d‑dinjità tal‑bniedem, u li nibqgħu ngħaddu dan il‑wirt ta’ valuri u ta’ fidi lill‑ġenerazzjonijiet futuri.

    Matul iż‑żjara tiegħu f’Londra, l‑Arċisqof żar ukoll il‑pazjenti Maltin fl‑isptarijiet ta’ Royal Marsden Hospital Sutton u Fulham, Great Ormond Street Hospital u National Hospital for Neurology and Neurosurgery. Fl‑Isptar Great Ormond Street, Mons. Arċisqof għammed tarbija Maltija. L‑Arċisqof żar ukoll il‑Maltin fl‑appartamenti ta’ Puttinu Cares u s-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù.