• ****

    Direttur:          Steven Soderbergh

    Atturi:              Channing Tatum, Adam Driver, Seth MacFarLane, Riley Keough, Katie Hokes, Katherine Waterston u Dwight Yoakam

    Ħin tal-Film:    119 min

    Maħruġ min KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A

    Jimmy Logan kien jittama li jsir footballer professjonali, iżda kollox tar mar-riħ meta f’inċident waqt logħba spiċċa b’dizabilità u ma setgħax jilgħab aktar. Għalhekk kellu jaqbad xogħol ieħor f’minjiera tal-faħam li kienet tinsab taħt Charlotte Motor Speedway. Iżda minħabba li seta’ jkun ta’ problema minħabba d-diżabilità, spiċċa bla xogħol.

    Waqt li kien qiegħed jagħmel żjara lil Bobbi Jo, l-eks mara tiegħu, biex jieħu t-tifla tiegħu Sadie għal pageant ta’ sbuhija, jsir jaf li Bobbi, flimkien mar-raġel ġdid li kellha, kellhom il-ħsieb li jmorru jgħixu ġewwa Lyncburg. Dan kien ifisser li  sejra tkun aktar diffiċli biex jibda jara t-tifla tiegħu. Irrabjat kif kien, Jimmy imur fil-ħanut tax-xorb ta’ ħuh, Clyde, veteran tal-gwerra fl-Iraq li kien tilef parti minn idu x-xellugija u kien jilbes  id prostetika.

    Fil-ħanut jidħol Max Chilblain, negozjant Ingliż, flimkien ma’ sħabu li jaqbdu jinsulentaw lil Clyde minħabba d-diżabilità li kellu. Din l-attitudni ta’ dawn it-tlieta rriżultat fi ġlieda ma’ Jimmy li spiċċat billi Jimmy qabbad il-karozza tagħhom meta tefa’ molotov cocktail. Meta ħareg mill-ħanut, Jimmy għajjat “cauliflower”, Clyde  ftakar f’kowd li kienu jużaw meta kienu tfal u ta’ tfal li kienu kienu jagħmlu xi serqa.

    L-għada Jimmy, jispjega l-pjan tiegħu lil ħuh. Hu kellu idea tajba kif taħdem is-sistema  ta’ tubi pnewmatiki  li kienu jiġbdu l-flus kollha li kienu jdaħħlu mill-Motor Speedway. Kien qiegħed joqrob l-ikbar avveniment  tas-sena u Jimmy ħaseb li dakinhar jagħmlu aċċess għal din is-sistema meta fil-fatt is-sigurtà tkun daqxejn laxka. Clyde jaqbel mal-pjan u għalhekk idaħħlu magħhom lil Joe Bang, espert kif jiftah safe u li bħalissa kien jinsab il-ħabs kif ukoll lill-ħutu Sam u Fish.  Jimmy u Clyde jitolbu wkoll l-għajnuna ta’ oħthom Mellie, estetista. X’kien il-pjan tas-serqa?  Tgħid jirnexxi l-pjan – pjan ambizzjuż għall-aħħar?

    Film Amerikan, kummiedja bi twettiq ta’ serqa ta’ kemxa kbira ta’ flus minn Charlottte Motor Speedway f’avveniment Coca-Cola 600. Il-film hu taħt  id-direzzjoni ta’ Steven Soderbergh, kitba ta’ Rebecca Blunt. Minħabba xi kliem goff u xi referenza għad-droga, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.