Nippromwovu l-Ġid Komuni - L-Arċisqof f'Jum l-Indipendenza 2017

Quddiesa Pontifikali f'Jum l-Indipendenza, fil-Konkatidral ta' San Ġwann, il-Belt Valletta.

  •  Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Konkatidral ta' San Ġwann, il-Belt Valletta

    21 ta' Settembru 2017

    Għal San Tumas ta’ Akwinu, li għex fis‑seklu tlettax, il‑liġi hija “il‑ħakma tar‑raġuni biex jintlaħaq il‑ġid komuni” (ordinatio rationis ad bonum commune). Din il‑ħakma tar‑raġuni hija l‑essenza tal‑ġustizzja, dik il‑virtù kardinali li tnissel u trawwem relazzjoniet fis‑soċjetà skont kriterju ġust u ekwu. Il‑promozzjoni tal‑ġid komuni hija l‑promozzjoni tal‑ġustizzja soċjali.

    Kull bniedem għandu jkun immexxi mill‑ġustizzja, mir‑rispett tad‑drittijiet tal‑oħrajn u mit‑twettiq ta’ dmiru.

    Il‑Papa San Ġwanni XXIII, ċar daqs il‑kristall u b’għerf kbir, fl‑Enċiklika tiegħu Pacem in Terris (Paċi fl‑Art) iddikjara li: “Is‑soċjetà tal‑bnedmin titlob li kull bniedem għandu jkun immexxi mill‑ġustizzja, mir‑rispett tad‑drittijiet tal‑oħrajn u mit‑twettiq ta’ dmiru. Titlob ukoll li l‑bnedmin ikunu mqanqla minn imħabba li ġġegħelhom iħossu l‑ħtiġijiet tal‑oħrajn daqslikieku kienu tagħhom stess, u twassalhom biex jaqsmu ġidhom mal‑oħrajn u jħabirku biex il‑bnedmin kollha jkunu lkoll werrieta tal‑valuri intellettwali u spiritwali l‑iktar nobbli. U lanqas dan mhu biżżejjed, għax is‑soċjetà tal‑bnedmin tgħix bil‑libertà, jiġifieri bl‑użu ta’ mezzi li huma konsistenti mad‑dinjità individwali ta’ kull membru tagħha, li minħabba li huma mżejna bir‑raġuni, jassumu r‑responsabilità ta’ għemilhom” (Pacem in Terris, 1963, 35).

    “Il‑bnedmin, kemm bħala individwi u kemm miġbura flimkien, għandhom bżonn jagħtu s‑sehem tagħhom għall‑ġid komuni. B’konsegwenza ta’ dan, huma jridu jarmonizzaw l‑interessi personali tagħhom mal‑ħtiġijiet tal‑oħrajn u joffru l‑ġid u s‑servizzi tagħhom kif jidderieġu l‑mexxejja tagħhom – waqt li wieħed jassumi, ovvjament, li qed tiġi mħarsa l‑ġustizzja u li l‑awtoritajiet qed jaġixxu fil‑limiti tal‑kompetenza tagħhom. Dawk li għandhom l‑awtorità fl‑Istat iridu jħaddmu dik l‑awtorità b’tali mod li, mhux biss wieħed ma jsib xejn ħażin moralment fiha, iżda li wkoll tiżgura u tippromwovi l‑ġid tal‑Istat.

    Dawk li għandhom l‑awtorità fl‑Istat iridu jħaddmu dik l‑awtorità b’tali mod li, mhux biss wieħed ma jsib xejn ħażin moralment fiha, iżda li wkoll tiżgura u tippromwovi l‑ġid tal‑Istat.

    Il‑ksib tal‑ġid komuni huwa l‑uniku għan tal‑eżistenza tal‑awtorità ċivili. Għalhekk, biex jaħdmu għall‑ġid komuni, l‑aworitajiet għandhom tabilħaqq jirrispettaw in‑natura tiegħu u, fl‑istess ħin, jaġġustaw il‑leġiżlazzjoni tagħhom biex tilħaq dak li hemm bżonn f’kull sitwazzjoni partikulari.

    Fost dawk l‑elementi essenzjali tal‑ġid komuni, wieħed ma jistax iħalli barra dawk il‑karattersitiċi individwali li jsawru lil kull poplu partikulari. Iżda dawn bl‑ebda mod ma jsawru dak kollu li hu l‑ġid komuni. Għax il‑ġid komuni, minħabba r‑rabta intrinsika  man‑natura tal‑bniedem, qatt ma jista’ jeżisti b’mod sħiħ fil‑milja tiegħu, jekk il‑bniedem ma jkunx il‑ħin kollu fiċ‑ċentru tiegħu. Għalhekk trid tingħata attenzjoni għan‑natura fundamentali tal‑ġid komuni u dak li jwassal għalih.

    Irridu nżidu wkoll, għaldaqstant, li hija fin‑natura tal‑ġid komuni li kull ċittadin għandu dritt li jkollu sehem minnu – minkejja li b’modi differenti, skont dak li hu xogħlu, il‑merti tiegħu u ċ‑ċirkustanzi li jinsab fihom. Għalhekk ukoll kull awtorità ċivili trid tistinka biex tippromwovi l‑ġid komuni fl‑interess ta’ kulħadd, mingħajr ma tiffavorixxi ċittadini individwali jew kategoriji ta’ ċittadini. Il‑Papa Ljun XIII saħaq li ‘Is‑setgħa ċivili m’għandiex tkun sottomessa għall‑vantaġġ ta’ xi individwu jew xi grupp ta’ persuni, minħabba li ġiet imwaqqfa għall‑ġid ta’ kulħadd’.

    Il‑ġustizzja u l‑ekwità jitolbu li, dawk li għandhom is‑setgħa, jagħtu kas iktar ta’ dawk il‑membri l‑iktar dgħajfa tas‑soċjetà.

    Għaldaqstant, il‑ġustizzja u l‑ekwità jitolbu li, dawk li għandhom is‑setgħa, jagħtu kas iktar ta’ dawk il‑membri l‑iktar dgħajfa tas‑soċjetà, għaliex huma żvantaġġjati meta jiġu biex jiddefendu d‑drittijiet tagħhom u jasserixxu l‑interessi leġittimi tagħhom” (Pacem in Terris, 53‑56).

    Il‑Papa Franġisku jgħidilna x’inhu t‑tagħlim tal‑Knisja dwar il‑ġid komuni fl‑Enċiklika tiegħu Laudato Sì: “L‑ekoloġija tal‑bniedem ma tistax tifridha mill‑kunċett tal‑ġid komuni, prinċipju li fl‑etika soċjali jiżvolġi rwol ċentrali u li jgħaqqad. Hi ‘il‑ġabra ta’ dawk il‑kundizzjonijiet tal‑ħajja soċjali li tippermetti kemm lill‑għaqdiet u kemm lill‑membri wieħed wieħed li jiksbu l‑perfezzjoni tagħhom aktar sħiħa u aktar malajr’.

    Il‑ġid komuni jitlob ir‑rispett tal‑bniedem bħala tali, bil‑jeddijiet fundamentali u inaljenabbli ordnati lejn l‑iżvilupp sħiħ tiegħu. Jesiġi wkoll dak li s‑soċjetà tfittex għall‑ġid u s‑sigurtà tal‑persuni u l‑iżvilupp ta’ diversi gruppi intermedjarji, billi japplika l‑prinċipju tas‑sussidjarjetà. Fost dawn tispikka speċjalment il‑familja, bħala ċ‑ċellola primarja tas‑soċjetà. Fl‑aħħar nett, il‑ġid komuni jsejjaħ għall‑paċi soċjali, l‑istabilità u s‑sigurtà ta’ ordni li ma tistax tintlaħaq mingħajr attenzjoni partikulari lejn il‑ġustizzja distributtiva, li l‑ksur tagħha dejjem vjolenza ġġib. Is‑soċjetà kollha – u fiha speċjalment l‑Istat – għandha l‑obbligu li tħares u tippromwovi l‑ġid komuni.

    Fil‑qagħda attwali tas‑soċjetà dinjija, fejn naraw tant inġustizzji u numru dejjem akbar ta’ persuni li qed jiġu mormija, imċaħħda mid‑drittijiet fundamentali tal‑bniedem, il‑prinċipju tal‑ġid komuni jsir immedjatament, b’mod loġiku u b’konsegwenza ovvja, sejħa għas‑solidarjetà u għażla preferenzjali favur l‑iżjed foqra. Din l‑għażla titlob minna li nagħrfu l‑implikazzjonijiet tad‑destinazzjoni komuni tal‑ġid tal‑art, imma, kif ippruvajt nuri fl‑Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium, tesiġi li qabel xejn nikkontemplaw id‑dinjità tant għolja tal‑fqir fid‑dawl tal‑aqwa konvinzjonijiet tal‑fidi. Biżżejjed inħarsu lejn ir‑realtà tagħna biex nifhmu li llum din l‑għażla hi esiġenza etika fundamentali biex jista’ jitwettaq b’mod effettiv il‑ġid komuni” (Laudato Sì, 2015, 156‑158).

    Għandna nistaqsu lilna nfusna jekk il‑ġid li qed jinħoloq fis‑soċjetà tagħna hux qed joħloq disparità ekonomika.

    Illum nixtieq inqiegħed għar‑riflessjoni tagħna dan l‑aspett konkret: il‑ħtieġa li nippromwovu u niżguraw it‑tqassim ekwu tal‑ġid iġġenerat fis‑soċjetà tagħna. Wieħed mill‑mekkaniżmi għal dan it‑tqassim ekwu huwa l‑apprezzament tax‑xogħol li permezz tiegħu l‑kapital jinbidel f’ġid. Dan l‑apprezzament tax‑xogħol jiġi mwettaq b’mekkaniżmu ta’ paga ġusta. L‑għerf ta’ San Ġwanni XIII ikompli jgħidilna li: “Ħaġa oħra li tiġi mid‑dinjità personali ta’ kull bniedem hija l‑jedd tiegħu li jieħu sehem f’attività ekonomika adatta skont il‑grad ta’ responsabilità. Il‑ħaddiem huwa wkoll intitolat għal paga li tiġi determinata bi qbil mal‑preċetti tal‑ġustizzja. Dan għandu jkun emfasizzat. Il‑ħlas li ħaddiem jirċievi għandu jkun biżżejjed, fi proporzjon mal‑fondi li huma disponibbli, biex hu u l‑familja tiegħu jgħixu livell ta’ ħajja konsistenti mad‑dinjità tal‑bniedem. Il‑Papa Piju XII fissirha b’dan il‑mod: ‘In‑natura timponi x‑xogħol fuq il‑bniedem bħala dmir, u l‑bniedem għandu d‑dritt naturali korrispondenti mal‑fatt li x‑xogħol għandu jipprovdilu mezzi ta’ għajxien għalih u għal uliedu. Dan huwa l‑mod imperattiv u kategoriku kif il‑bniedem jippreserva lilu nnifsu’” (Pacem in Terris, 20).

    Għandna nistaqsu lilna nfusna jekk il‑ġid li qed jinħoloq fis‑soċjetà tagħna hux qed joħloq disparità ekonomika; jekk hux qed joħloq oligarkija ta’ nies li huma għonja ħafna waqt li jġib lill‑ħaddiema f’sitwazzjonijiet fejn lanqas jistgħu jħallsu kull xahar il‑kera għal dar deċenti fejn joqgħodu, fejn il‑liġi ta’ dak li hu meħtieġ u dak li jingħata (demand and supply) qed iġibu lil ħafna nies f’sitwazzjoniet fejn tintilef it‑tama u fejn il‑ġejjieni huwa mudlam.

    Ir‑rwol ta’ gvern hu li jiżgura li ċ‑ċittadini Maltin ikomplu jgawdu livell ta’ għajxien dinjituż f’pajjiżhom. Dan jinkludi wkoll il‑ħila ta’ familji bi dħul baxx, koppji żgħażagħ li qed jibnu l‑familji tagħhom, u pensjonanti, li jgawdu djar diċenti fejn jgħixu, nutrizzjoni xierqa, edukazzjoni tajba u servizzi tas‑saħħa. Aħna u nagħmlu minn kollox biex niġbdu l‑għonja u s‑setgħana ta’ din id‑dinja biex jinvestu u jaħdmu fostna, ejjew ukoll nippruvaw niżguraw li l‑familji tagħna ma jiġux imċaħħda minn livell ta’ għajxien diċenti li ħafna jgawdu minnu.

    Il‑komunità politika ma tistax tibqa’ ffukata biss fuq it‑tkabbir ekonomiku bħala l‑għodda waħdanija tal‑iżvilupp tal‑ġid komuni.

    Aħna mberkin b’politika qawwija ta’ welfare li għandha bżonn tkun promossa u sostnuta. Madanakollu l‑komunità politika ma tistax tibqa’ ffukata biss fuq it‑tkabbir ekonomiku bħala l‑għodda waħdanija tal‑iżvilupp tal‑ġid komuni. Il‑Kostituzzjoni Pastorali tal‑Konċilju Vatikan II dwar il‑Knisja fid‑Dinja tal‑Lum Gaudium et Spes (Hena u Tama) tgħid li: “Għalhekk il‑komunità politika teżisti minħabba l‑ġid komuni li fih hija ssib it‑tifsira u l‑ġustifikazzjoni, u l‑għajn tal‑leġittimità inerenti tagħha” (Gaudium et Spes, 1965, 74).

    Il‑Papa Franġisku żied dimensjoni oħra fil‑ħsieb tal‑ġid komuni meta ddikjara li: “Il‑kunċett tal‑ġid komuni jinvolvi wkoll il‑ġenerazzjonijiet li ġejjin. Il‑kriżijiet ekonomiċi internazzjonali wrewna bla ħabi l‑effetti koroh li jinħolqu meta ma nagħtux kas tad‑destin komuni tagħna, li lanqas dawk li ġejjin warajna mhuma mħollija barra.  Illum ma tistax titkellem fuq żvilupp sostenibbli bla solidarjetà bejn il‑ġenerazzjonijiet.  Meta naħsbu fuq il‑qagħda li fiha ħa nħallu l‑pjaneta lill‑ġenerazzjonijiet ta’ warajna, nidħlu f’loġika oħra, dik ta’ don li b’xejn irċivejnieh u b’xejn irridu nagħtuh.  Jekk l‑art ingħatatilna, ma nistgħux naħsbu iżjed bi kriterju utilitarju ta’ effiċjenza u produttività għall‑profitt individwali. M’aħniex nitkellmu fuq għażla li nistgħu nagħmlu, imma fuq kwistjoni essenzjali ta’ ġustizzja, la l‑art li rċivejna hi wkoll ta’ dawk li għad iridu jiġu” (Laudato Sì, 159).

    ✠ Charles Jude Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja