• Direttur:          Michael Cuesta

    Atturi:              Dylan O’Brien, Michael Keaton, Sanaa Lathan, Shiva Negar, Taylor Kitsch, David Suchet, Navid Nagahban u Scott Adkins

    Ħin tal-Film:    111 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd         

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 18

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      18

    Mitch Rapp tilef il-ġenituri tiegħu f’inċident stradali meta kellu biss erbatax-il sena. Issa li għandu tlieta u għoxrin sena, qiegħed jaħseb bis-serjetà li jissetilja u jwaqqaf familja. Meta kien fuq vaganza mal-maħbuba tiegħu Katrina ġewwa Ibiza,  ipproponilha biex tiżżewwġu hekk kif kienu fuq xtajta mimlija nies. Ir-risposta kienet pożittiva u biex jiċċelebra, Mitch mar biex iġib  żewġ koktejls biex jiċċelebra din l-aħbar tajba. Kif kien sejjer, numru ta’ terroristi armati nizlu fuq ix-xtajta u hemm bla ħniena, fetħu n-nar u qatlu ruxmata nies fosthom Katrina. 

    Sentejn wara din it-traġedja, insibu lil Mitch, issa bniedem mibdul għal kollox, stramb u ġellied, li l-għan tiegħu fil-ħajja kien biss kif sejjer jivvendika ruħu minn dawk it-terroristi li qatlu l-maħbuba tiegħu. Għal dan il-għan tgħallem l-Għarbi, studja l-Koran u beda jidħol f’chat rooms mtella’ fuq l-internet biex forsi jikxef xi ħjiel u jsir jaf min wettaq dak l-attakk ġewwa Ibiza. 

    Mingħajr ma kien jaf, Mitch  kien qiegħed jiġi osservat mis-CIA. Id-Deputat Direttur Irene Kennedy, iktar ma beda jgħaddi ż-żmien, bdiet timpressjona ruħha b’Mitch. Ma ddumx ma ddaħħlu  fi programm li fih kellu jinfiltra grupp ta’ terroristi Iranjani li kienu qegħdin jippjanaw gwerra nukleari ġewwa l-Lvant Nofsani.  Biex jirnexxielu jagħmel dan, kien hemm bżonn li qabel xejn, jgħaddi minn taħriġ iebes ħafna minn taħt idejn Stan Hurley, veteran tal-Gwerra Bierda. Stan, barra li ħarġu, kien kapaċi li jtaffi r-rabja ta’ Mitch.

    Fi żmien qasir, Stan, jassenjalu, biex flimkien miegħu, jinvestigaw apparentament numru ta’ attakki immirati lejn targits militari u ċivili. Wara numru minn dawn l-investigazzjonijiet, jintebħu li kien hemm mudell simili fil-mod kif kienet titwettaq il-vjolenza. F’waħda minn dawn il-missjonijiet,  tlaqqagħhom ma’ Annika, aġent Torka. Flimkien maghha jiffurmaw forza biex jwaqqfu operatur misterjuż magħruf bħala Ghost, li skont informazzjoni li kellhom, kien qiegħed jħejji gwerra nukleari. Kif sejrin jagħmlu biex jwaqqfuh?

    Film Amerikan, eċitanti u mimli azzjoni, hu taħt id-direzzjoni ta’ Michael Cuesta,  msejjes fuq in-novella miktuba minn Vince Flynn.  Minħabba vjolenza mdemmija, inkluż tortura, qtil bla rażan, kif ukoll kliem goff u profann, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.