Rispett lejn il-ħajja fil-forom kollha tagħha - Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent

Position Paper mill-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent fl-okkażjoni tax-Xahar tal-Ħolqien

  • Fl‑okkażjoni tax‑Xahar tal‑Ħolqien, il‑Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) tixtieq taqsam xi ħsibijiet, imnebbħa mill‑Enċiklika tal‑Papa Franġisku Laudato Si’, dwar il‑valur tal‑ħajja u l‑ħtieġa li nirrispettawha fil‑forom kollha tagħha. Dan fi żmien meta ħafna qed jiġu influwenzati minn ideat żbaljati li qed jiddominaw il‑midja, u jispiċċaw jaċċettaw diskorsi u ideoloġiji li spiss jgħawġu l‑verità.

    Ir‑rispett lejn il‑ħajja jitlob li wieħed japprezza d‑dinjità ta’ kull forma ta’ ħajja, jagħraf kemm hi vulnerabbli u jħarisha minn kull periklu. Dan il‑prinċipju għandu jgħodd mhux biss għal meta naraw theddid fuq annimali u pjanti jew siġar, imma wkoll, u iżjed, għat‑trabi fil‑ġuf.

    Matul id‑diskussjoni pubblika dwar il‑ħajja fil‑fażi l‑aktar bikrija, il‑KA ma taqbilx ma’ retorika li tipprova sserraħ il‑kuxjenza billi taħbi l‑verità. Hija temmen bil‑qawwa kollha li l‑bniedem jibqa’ bniedem bid‑drittijiet kollha tiegħu, irrispettivament mid‑daqs, l‑istat ta’ żvilupp, l‑abilità fiżika u mentali u mill‑kundizzjoni tas‑saħħa tiegħu. F’soċjetà ġusta u demokratika, id‑drittijiet ta’ kulħadd jiġu mħarsa, kemm jekk hu adult kif ukoll jekk wild vulnerabbli li ma jistax jiddefendi ruħu. Fid‑dawl ta’ dan, il‑KA tibża’ li l‑industrija tal‑farmaċewtika u dik medika jpoġġu fuq quddiem nett l‑interessi ekonomiċi tagħhom, aktar milli l‑prinċipji morali u l‑valuri. Għandu jkun hemm aktar investiment fir‑riċerka dwar metodi li jegħlbu l‑infertilità waqt li jirrispettaw id‑dinjità umana.

    Dwar l‑ambjent mibni, il‑KA tinnota b’dispjaċir il‑bidla mgħaġġla li qed isseħħ fil‑fiżjonomija ta’ pajjiżna tant li Malta saret bħal sit kbir ta’ kostruzzjoni. Minkejja l‑ħafna diskors dwar sostenibbiltà, jidher li l‑impatt ambjentali tal‑attività tal‑kostruzzjoni mhux qed jingħata l‑importanza li jixraqlu. Il‑KA tħoss li wasal iż‑żmien li l‑Awtorità tal‑Ippjanar (PA) tkun aktar proattiva fejn jidħol l‑ippjanar minflok tqatta’ ħinha kollu tipproċessa talbiet għall‑iżvilupp. F’dan l‑aspett, l‑involviment tal‑Kunsilli Lokali u l‑konsultazzjoni maċ‑ċittadini tal‑lokalità huma indispensabbli.

    Żvilupp veru jmur lil hinn mill‑qligħ finanzjaru, u għandu jiżgura l‑kwalità tal‑ħajja u d‑dinjità ta’ kull persuna. Żviluppatur serju jimpenja ruħu sabiex jitkattar il‑ġid komuni u għalhekk, fost kollox, jiżgura li l‑ħaddiema tiegħu jiġu trattati b’dinjità. Il‑KA tinnota li fid‑dawl ta’ dak li jgħid il‑Papa Franġisku dwar ix‑xogħol, jistonaw ħafna l‑oġġezzjonijiet li qamu f’pajjiżna mis‑settur kummerċjali kontra ż‑żieda tal‑paga minima, il‑leave tal‑maternità, l‑impjieg ta’ persuni b’diżabiltà u t‑tnaqqir tas‑sick leave.

    Il‑KA ma taqbel xejn ma’ min ikejjel l‑iżvilupp ta’ pajjiżna minn kemm dan qed jirnexxilu jinbidel biex isir jixbaħ pajjiżi oħrajn, bil‑periklu li kull mezz biex nilħqu dan il‑għan isir ġustifikabbli, saħansitra t‑tkasbir tad‑dinjità tal‑persuna. Dan minflok inżommu mal‑valuri tagħna, u jkollna l‑kuraġġ li ngħidu le għall‑isfruttar tal‑persuni, kemm fuq livell lokali u anke internazzjonali.

    Il‑KA temmen li Malta għandha tibqa’ tgħożż u tħares dawk il‑valuri li minn dejjem ikkaratterizzawha. Il‑gvernijiet lokali, nazzjonali, reġjonali u globali għandhom ikunu t‑tarka li tipproteġi lil min hu vulnerabbli, speċjalment lil dawk li minħabba l‑qagħda soċjali, fiżika u psikoloġika tagħhom ma jistgħux jiddefendu lilhom infushom.

    Agħfas hawn biex taqra l-Position Paper tal-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent dwar 'Ir-rispett lejn il-ħajja fil-forom kollha tagħha.'