• Omelija tal-Vigarju Ġenerali Mons. Joe Galea Curmi

  •  Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

    2 ta’ Ottubru 2017

    Il-Kelma ta’ Alla li smajna f’din il-quddiesa tagħtina dawl sabiħ għal ħajjitna. Nixtieq insemmi tliet punti marbuta mal-qari li smajna, u nagħmel tliet talbiet.

    Kien hemm f’belt wieħed imħallef, li la kien jibża’ minn Alla u lanqas iħabbel rasu minn ħadd … ” (Mill-Evanġelju ta’ San Luqa)

    Il-parabbola ta’ Ġesù ssemmi żewġ karatteristiċi li kienu eżatt il-kontra ta’ li wieħed kien jistenna minn Imħallef: li jqim lil Alla (dik hi t-tifsira ta’ li tibża’ minn Alla) u li jagħti każ in-nies. Ġesù uża din il-parabbola biex jurina li Alla mhux hekk – Alla jagħti każ. Imma wkoll biex jurina li mhux hekk għandna nkunu aħna, li maħluqin xbieha ta’ Alla. Li nqimu lil Alla mhux biss mhix ostaklu, imma hi għajnuna biex nagħtu każ tan-nies u verament inkunu għas-servizz tagħhom.

    L-ewwel talba tagħna li nixtieq nagħmel: li nkunu nies li nqimu lil Alla u tassew għas-servizz tan-nies.

    “La tgħawwiġx il-ġustizzja, tħarisx lejn l-uċuħ, u taċċettax rigali, għax ir-rigali jagħmu għajnejn l-għorrief u jgħawwġu kliem in-nies sewwa.” (Mill-ktieb tad-Dewteronomju)

    Is-sejħa li qed tagħmel il-Kelma ta’ Alla hi li nimxu b’onestà u b’integrità u li dawn ikunu l-karatteristiċi li jiddistingwuna. Titkellem fuq ġustizzja li ma tħarisx lejn l-uċuħ, li mhijiex ikkundizzjonata minn nies li għandhom xi tip ta’ poter jew b’xi mod għandhom ħakma fuqna, ġustizzja li ma tinxtarax.

    Hi sejħa attwali għax hawn mentalità mifruxa fost in-nies li l-ħażin mhux jekk tagħmlu imma jekk tinqabad li tagħmlu. Il-mentalità: jekk jirnexxilek taħbi l-ħażin li tagħmel – tixtri lil dak li jkun jew tipperswadih jgħawweġ il-ġustizzja, jew tirranġa minn taħt – ma ġara xejn, anzi bil-kemm m’intix eroj. Il-Kelma ta’ Alla turina li mhuwiex hekk, għax ngħiduha kif inhi: bik innifsek tista’ tidħaq, bl-oħrajn ukoll, imma b’Alla ma tidħaqx.

    Din hi t-tieni talba li nagħmel: li nkunu nies ta’ onestà u integrità, li nimxu mat-tajjeb għax hu tajjeb mhux għax ħaddieħor qed jintebah bih; u li nirrifjutaw il-ħażin għax hu ħażin mhux għax għandu mnejn jaqbduna li għamilna l-ħażin.

    Żommu safja l-kuxjenza tagħkom … aħjar tbati għax tkun għamilt it-tajjeb milli għax tkun għamilt il-ħażin. (Mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru)

    Dan hu l-parir ta’ San Pietru lill-ewwel Insara. Hu l-kontra ta’ kif kultant nirraġunaw aħna. Ġieli ngħidu: “Għax tagħżel it-tajjeb meta se taqlagħha fuq wiċċek?” Qisu mal-għażla tat-tajjeb hemm marbuta l-pretensjoni li kollox jimxi ħarir. Imma mhuwiex hekk. Irridu nkunu lesti li nbatu għas-sewwa. Hu l-fatt stess li nimxu mas-sewwa li jkun ir-rikompens tagħna.

    Is-sejħa ta’ San Pietru lil kull wieħed u waħda minna hi: erfa’ r-responsabbiltà tiegħek, ukoll meta tfisser tbatija u sagrifiċċju. Hi problema kbira meta min hu responsabbli ta’ xi istituzzjoni fil-pajjiż ma jerfax ir-responsabbiltà tiegħu jew tagħha. Hemmhekk ibatu ħafna nies u ssir ħsara kbira għax in-nies iħossuhom mingħajr protezzjoni.

    It-tielet talba tagħna: li nkunu nies li lesti nerfgħu r-responsabbiltà, ukoll meta din tiswielna tbatija, li ma nibżgħux inbatu għat-tajjeb.

    Mons. Joe Galea Curmi

    Vigarju Ġenerali, Arċidjoċesi ta’ Malta