Il-Palazz tal-Arċisqof jinfetaħ għall-pubbliku fin-Notte Bianca

  • Il‑Palazz tal‑Arċisqof fil‑Belt Valletta nhar is‑Sibt li ġej ser jiftaħ il‑bibien tiegħu għall‑pubbliku, waqt is‑serata tan‑Notte Bianca.

    Għal din l‑okkażjoni, il‑viżitaturi jistgħu jżuru ċ‑ċisterni u l‑għerien ta’ taħt il‑Palazz, li fihom nixxiegħa ta’ ilma ġieri li ilu jgħaddej sa minn qabel ma nbniet il‑Belt Valletta.

    Il‑pubbliku ser ikun jista’ jgawdi wkoll il‑ġnien tal‑Palazz, ġnien mimli siġar taċ‑ċitru u b’funtana tas‑seklu sbatax. Dan hu l‑uniku ġnien residenzjali tad‑daqs tiegħu fil‑qalba tal‑belt kapitali.

    Nhar is‑Sibt ukoll ser jinfetħu l‑kmamar kollha tal‑piano nobile, fejn hemm kollezzjonijiet ta’ pitturi, skulturi u arti dekorattiva.

    Il‑Palazz tal‑Arċisqof, li jagħmel parti mill‑istorja soċjali u kulturali tal‑Belt, inbena bejn l‑1622 u l‑1631 u għal kważi erba’ sekli serva bħala residenza tal‑Isqof. L‑aħħar Arċisqof li għex fih kien Monsinjur Mikiel Gonzi.

    Il‑Palazz ser ikun miftuħ mis-7:00 p.m. sa nofsillejl u d-dħul huwa b’xejn.

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja