• ***   

    Direttur:          Hallie Meyers -Shyer

    Atturi:              Reese Witherspoon, Nut Wolff, John Rudnitsky, Pico Alexanderr, Michael Sheen, Candice Beren, Lola Flannery u Eden Grace Redfield

    Ħin tal-Film:    97 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       15

    Alice Kinney hi -tifla tal-famuż direttur tal-films, John Kinney, illum m’għadux magħna. Alice, hekk kif qegħda tiċċelebra erbgħin sena minn għeluq sninha, kienet isseparata minn ma’ żewġha, Austen li kien iddeċieda li jibqa’ New York  bħala produttur mużikali tal-films. Alice, iżda, min-naħa tagħha, iddeċidiet li terġa’ lura Los Angeles, flimkien ma’ uliedha Isabel u Rosie, fid-dar li wirtet mingħand missierha. Alice qegħda tagħmel ħilitha biex tibda negozju bħala disinjatriċi fid-djar.

    Waqt li tiċċelebra għeluq sninha ma’ xi ħbieb, tiltaqa’ ma’ tliet żgħażagħ, l-aħwa Harry u Teddy u ħabibhom, George. Dawn iż-żgħażagħ, bla flus, kienu qegħdin jaspiraw li jibdew karriera bħala produtturi tal-films wara s-suċċess li kienu kisbu meta kienu ippreżentaw film qasir ġewwa Festival u li kien intlaqa’ tajjeb ħafna.  Għalkemm kienu żgħażagħ, resqin lejn it-tletin sena, malajr għamlu ħbieb ma’ Alice u ħbiebha li kollha kienu joqorbu l-erbgħin sena. Alice, xurbana kif kienet, toffri darha lit-tliet żgħażagh. L-għada filgħodu, George jiskopri il-kamra li fiha kien hemm it-testi tal-films li John Kinney kiteb kif ukoll statwa tal-Oskars li kien rebaħ.  F’dan il-waqt, Lillian, omm Alice, flimkien mat-tfal, Isabel u Rosie jiġu lura d-dar. Alice tieħu t-tfal l-iskola, waqt li Lillian toffri li tagħmel il-kolazzjon għaż-żgħażagħ. Hi ħadet ħafna pjaċir bil-kumplimenti li ż-żgħażagħ kienu għaddew fuq ix-xogħol ta’ żewġha u offrietilhom  biex għal ftit jiem joqogħdu fid-dar tal-mistednin sakemm jirnexxielhom isibu post. 

    It-tliet żagħżagħ ma jdumux ma jsiru parti importanti mill-ħajja rutina tal-familja. Waqt li Alice tibda tinġibed lejn Harry, George jibda jgħinha biex tibni website għan-neġozju tagħha waqt li anke jinkoraġġixxi lil Isabel biex iddaħħal it-test li kitbet għal kompetizzjoni fl-iskola. It-tliet żgħażagħ sadanittant, jiltaqgħu ma’ Justin Miller, direttur, li kien lest li jgħinhom fil-ħsieb tagħhom. Għalkemm jibdew jinqalgħu xi diffikultajiet  f’din l-istruttura,  l-aktar għal Alice, il-qagħda tkompli titħawwad hekk kif Austen, ir-raġel tagħha jerġa’ lura d-dar. X’jiġri minn hawn?

    Film romantiku – kummiedja, Amerikan, taħt id-direzzjoni u kitba ta’ Hallie Meyers-Shyer.  Minħabba li l-film jippreżenta l-falliment taż-żwieġ bħala liberazzjoni, Alice tibda relazzjoni ġdida ma’ żagħżugħ tlettax-il sena iżgħar minnha u li d-divorzju jsolvi kull problema, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.