• Kappillan ġdid għall-Parroċċa ta’ Ħal Għaxaq

    • L‑Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Dun Gordon Refalo bħala Kappillan tal‑Parroċċa ta’ Santa Marija, Ħal Għaxaq.

      Dun Gordon Refalo twieled Tas‑Sliema fit‑30 ta’ Novembru 1961. Huwa rċieva l‑edukazzjoni tiegħu fl‑iskola ta’ St Joseph ir‑Rabat, u fil‑Kulleġġ San Alwiġi, Birkirkara. Dun Gordon kompla bl‑edukazzjoni terzjarja fil‑Fakultà tat‑Teoloġija (Filosofija u Teoloġija) fl‑Università ta’ Malta. Huwa ġie ordnat saċerdot fil‑5 ta’ Lulju 1991.

      Dun Gordon serva bħala Viċi Kappillan fil‑Parroċċa ta’ San Gejtanu, il‑Ħamrun, u wettaq ukoll ħidma pastorali fil‑Parroċċa tan‑Naxxar. Huwa kien Kappillan tal‑parroċċi ta’ Santa Luċija, l‑Ibraġ u s‑Swatar. Fl‑2012 beda jservi bħala Kappillan fil‑Parroċċa ta’ Ħal Luqa. Dun Gordon Refalo kien il‑President tal‑Kulleġġ tal‑Kappillani bejn l‑2012 u l‑2016.

      Il‑Parroċċa ta’ Ħal Għaxaq tiġbor fiha madwar 5,120 persuna f’1,610 familja.

  •  

    Kappillan ġdid għall-Parroċċa ta’ Ħal Luqa

    • L‑Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Kan. Dun Michael Zammit bħala Kappillan tal‑Parroċċa ta’ Sant’Andrija Appostlu, Ħal Luqa.

      Dun Michael Zammit twieled fl‑10 ta’ Settembru 1986. Huwa rċieva l‑edukazzjoni primarja tiegħu fl‑iskola ta’ St Francis, l‑Imsida, l‑edukazzjoni sekondarja fil‑Junior Lyceum tal‑Ħamrun, u l‑edukazzjoni post‑sekondarja fil‑Junior College, l‑Imsida. Dun Michael kompla bl‑edukazzjoni terzjarja fil‑Fakultà tat‑Teoloġija (Filosofija u Teoloġija) fl‑Università ta’ Malta. Huwa ġie ordnat saċerdot fid‑29 ta’ Ġunju 2012.

      Dun Michael serva bħala Viċi Kappillan fil‑Parroċċa ta’ San Pawl, ir‑Rabat. Kien ukoll religious counsellor fil‑Kulleġġ San Nikola, ir‑Rabat, u fil‑Kulleġġ San Injazju, Tal‑Ħandaq, Ħal Qormi.

      Il‑Parroċċa ta’ Ħal Luqa tiġbor fiha madwar 5,600 persuna f’1,600 familja.