• ***

    Direttur:           David Bruckner

    Atturi:              Rafe Spall, Robert James-Collier, Arsher Ali, Sam Troughton, Paul Reid, Maria Erwolter, Kerri McLean u Francesca Mula

    Ħin tal-Film:    94 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                  15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       18

    Dom, Phil, Luke u Hutch, ħbieb antiki mill-iskola, iddeċidew li jiltaqgħu u flimkien ifakkru ż-żmien sabiħ tal-passat. Biex ikollhom aktar żmien biex iġibu lura tant tifkiriet tal-imgħoddi, qabblu li l-aħjar ħaġa li setgħu jagħmlu kienet li jmorru fuq mixja twila li kellha  teħodhom fil-kampanja u qalb il-foresti Żvediżi.

    Il-lokal li ġie magħżul ma kienx l-ewwel għażla fejn xi whud minnhom xtaqu jmorru, iżda minħabba li ma tantx kellhom esperjenzi ta’ mixjiet twal u wisq inqas li jqattgħu jiem jgħixu barra u jorqdu taħt tinda, il-mixja ġiet ippjanata bħala waħda li titlob ftit sfida, anke minħabba l-fatt li Luke ma kienx f’qagħda finanzjarja tajba biex jonfoq ħafna flus.

    Hekk kif bdew il-mixja tagħhom, li fil-bidu ħadithom fuq l-għoljiet, fuq il-quċċata ta’ waħda minnhom, fakkru wieħed minn sħabhom li xi ftit żmien qabel kien gie maqtul brutalment ġewwa ħanut tax-xorb minn xi ħallelin li kienu daħlu biex jisirqu. Sfortunatament,  Luke li kien hemm miegħu fil-ħanut beża’ u m’għamel xejn. Din l-esperjenza fil-fatt ħalliet impatt negattiv fuq l-erbat iħbieb u kien sewwa u xieraq li jfakkru l-mewt  ta’ seħibhom.  

    Matul il-mixja,wieħed minnhom lewa għakset is-sieq u minflok  marru lura fi triq mhux perikoluża lejn id-dwejra li kienu krew,  iddeċidew li jaqtgħu fil-qasir u jgħaddu minn qalb il-foresta. Ma kienx mument li għażlu jagħmlu hekk! Iktar ma bdew deħlin ’l ġewwa bdew jaraw li fuq xi siġar kien hemm imnaqqxin sinjali misterjużi.  It-temp ukoll ma kienx favurhom għaliex  faqqgħet  tempesta qalila  u ħadu r-ruħ meta sabu għarix li għalkemm kien jidher abbandunat iżda, għal dak il-lejl, deher li kien sejjer ikun post tajjeb fejn jistrieħu. Dak il-lejl iżda, l-erbgħa li huma kellhom  ħmar il-lejl tal-biżà. Iktar ma beda jgħaddi ż-żmien, l-affarijiet li bdew jiġru kienu iktar strambi u ta’ twerwir. X’jiġri minn hawn? X’kien hemm jistennihom fil-qalba tal-foresta?

    Film Brittaniku, ta’ twerwir psikoloġiku, taħt id-direzzjoni ta’ David Brucker, kitba ta’ Joe Barton, imsejjes fuq in-novella bl-istess isem ta’ Adam Nevill. Minħabba vjolenza, qtil makabru, kliem goff, kif ukoll xeni ta’ biża’ kbir u okkultiżmu, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.