• ****

    Direttur:          Dean Devlin

    Atturi:              Gerard Butler, Jim Sturgess, Abbe Cornish, Alexandra Maria Lara, Richaed Schiff, Robert Sheehan, Daniel Wu, Ed Harris u Andy Garcia

    Ħin tal-Film:    110 min.

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       12

    Fis-sena 2019, wara ħafna diżastri naturali li laqtu lid-dinja, tmintax-il nazzjon jingħaqdu  flimkien u jikkommissjonaw sistema ta’ satelliti biex jikkontrollaw t-temp madwar id-dinja. Dawn kienu kkonċentrati fuq l-istazzjon spazjali internazzjonali, mlaqqam “Dutch Boy”. Il-moħħ wara dan il-proġett kien Jake Lawson, kmandant ukoll tal-ekwipaġġ multinazzjonali.

    Meta jiġi msejjaħ għal laqgħa mis-sotto kumitat ta’ senaturi Amerikani, immexxi mis-Senatur Thomas Cross, Jake jeħodha kontra s-Senatur Cross, b’riżultat li tkeċċa u minfloku jpoġġu lil ħuh Max li kien bil-wisq iktar kalm. Tliet snin wara dan l-inċident, jibdew iseħħu diżastri klimatiċi madwar id-dinja. Dawn jibdew ġewwa l-Afganistan meta fuq spezzjoni mill-Ġ.M, jsibu l-abitanti kollha tal-villaġġ iffriżati.

    Il-President Amerikan, Andrew Palma, isejjah il-Kabinet għal laqgħa ta’ emerġenza, fosthom Max li kien jinsab jaħdem fid-Dipartiment tal-Istat taħt is-Segretarju Leonard Dekkom minħabba li fuq l-istazzjon spazjali kienet seħħet ħsara serja. Il-President xtaq li dan l-inċident jibqa’ mistur. Ġimgħatejn oħra, l-Amerika kienet sejra tgħaddi dan l-istazzjon lill-komunità internazzjonali. Max jipprotesta bil-qawwi u ifakkar lill-President  dwar l-obbligu u r-responsabbiltà li l-pajjiż kellu biex mill-aktar fis tissewwa l-ħsara li żviluppat. Il-President jaqbel li jintbagħat bniedem biex tissewwa. Max, kontra qalbu jaċċetta s-suġġeriment tas-superjur tiegħu Dekkom li jibgħat lil ħuh Jake. Jake, f’dawn l-aħħar tliet snin kien qiegħed igħix ġewwa karavan fi Florida u kultant kien ikollu miegħu lil bintu Hannah. Martu kienet ħallietu wara l-fjask li kien seħħ tliet snin qabel fis-sotto-kumitat. Jake għal bidu ma jaċċettax, iżda wara li Max jippersisti biex jgħin, għax hu probabilment kien l-uniku li seta’ jagħmel dan, jaċċetta li jmur fuq l-istazzjon. Xi jsib hemm meta flimkien ma’ tim internazzjonali: Duncam, Hermandez, Adisa u Dussette isibu ruħhom fuq l-istazzjon? Sadattant fid-dinja jibdew iseħħu diżastri kbar klimatiċi.  X’qiegħed jiġri? Kien hemm xi moħħ wara dan id-diżastru?

    Film Amerikan ta’ fantaxjenza, mimli azzjoni, taħt id-direzzjoni ta’ Dean Devlin, kitba ta’ Devlin stess u Paul Guyot. Minħabba numru ta’ azzjonjiet perikolużi u tensjoni,  tempesti tal-biża’ u diżastri klimatiċi, u l-probabbiltà li jseħħ “geostorm”  li kien ifisser it-tmiem tad-dinja, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.