• Il-karba ta’ Ġesù fuq is-salib:  “Elì, Elì, lama sabaktani” li l-Evanġelista San Mattew ifissrilna bħala “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni” tista’ tlun il-karba ta’ eluf ta’ bnedmin imxerddin mad-dinja, li jħossu u jinsabu tassew weħidhom. Weħidhom mhux bilfors fis-sens li huma mingħajr il-preżenza ta’ bnedmin oħra madwarhom, ħadd ma japprezzahom, ħadd ma jifhem il-ħtiġijiet tagħhom u jkun lest li jaqdihom. Ħafna jħossuhom weħidhom, mitluqin fil-mentalità negattiva tal-persekuzzjoni, tal-egoċentriżmu, tar-relativżmu u tal-mewt.

    Il-karba ta’ Ġesù tidwi mal-erbat irjieħ tad-dinja u tinstema’ minn kullimkien. Aħna nistgħu nsoddu widnejna biex ma nisimgħux u, jekk nisimgħu, nistgħu ngħidu li mhux qed nifhmu.  Imma Alla jisma’ l-karba li toħroġ mill-qalb abbandunata qabel tasal biex toħroġ mill-fomm.

    It-tweġiba tal-leħen mis-sema hija tweġiba li timla lil dawn il-qlub, l-ewwel u qabel kollox, bit-tama, bix-xaqq ta’ dawl fid-dlam tal-lejl li donnu ma jispiċċa qatt. “Jien ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra.” Mhux ħajja biss imma ħajja bil-kotra.  San Pawl fit-Tieni ittra lill-Korintin jitkellem dwar din il-ħajja “Meta wieħed jingħaqad ma’ Kristu, isir ħolqien ġdid; il-qadim għadda u daħal il-ġdid.” (5,17)

    L-għan tas-sejħa missjunarja tal-Knisja huwa li jagħti din il-ħajja bil-kotra, din il-ħajja ġdida lil kull bniedem. Mhix biss predikazzjoni tat-tama iżda twettiq veru u konkret f’kull ambjent u sitwazzjoni li kull bniedem, li ismu, kif jgħid il-profeta Iżaija, huwa minqux fuq il-keffa ta’ id Alla, jista’ jsib ruħu fih.  Bħalma jgħid il-Papa Franġisku fil-messaġġ tiegħu għal Jum il-Missjoni ta’ din is-sena: “Għalhekk il-missjoni tal-Knisja mhix li xxerred ideoloġija reliġjuża u lanqas il-proposta ta’ etika mill-aqwa. Ħafna movimenti fid-dinja jafu jipproduċu ideali għoljin jew espressjonijiet etiċi notevoli. Permezz tal-missjoni tal-Knisja, hu Ġesù Kristu li jissokta jevanġelizza u jaġixxi, u għalhekk hi tirrappreżenta l-kairos, iż-żmien it-tajjeb tas-salvazzjoni fl-istorja.”

    Dan hu ż-żmien it-tajjeb li fih aħna, bħala kommunità Nisranija, nirrevedu r-rwol tagħna fit-tweġiba għal din is-sejħa. Il-ħajja ma tiġix trasmessa weħidha.  Alla jgħaddiha lilna bil-kotra, joħloqna mill-ġdid bl-imħabba li jgħaddilna permezz ta’ Ibnu, li għadda mill-esperjenza tal-abbandun u miet għalina, biex aħna ngħadduha lill-oħrajn. L-imħabba ma tistax tgħixha waħdek. Weħidha ma teżistix.

    Għalhekk filwaqt li, b’ġenerożità, ngħinu finanzjarjament il-ħidma missjunarja tal-Knisja, nitolbu għal dawk li jwettquha u nitolbu għalina nfusna u nagħmlu kuraġġ biex ħajjitna tkun xhieda ta’ din il-ħajja bil-kotra li Alla jagħti, billi nħeġġu lilna nfusna u lil ħaddieħor biex jissieħeb fl-għoti ta’ din il-ħajja ġdida, fil-ħidma missjunarja tal-Knisja.

    Minn qalbi nirringrazzjakom u nirringrazzja b’mod speċjali lill-missjunarji Maltin li qed iwieġbu l-karba ta’ Ġesù fuq is-salib billi jwasslu l-imħabba tiegħu lill-proxxmu. Fejn hemm intom, hemm jinsab Ġesù Kristu u l-Knisja tiegħu.

    ✠ Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta