My Little Pony: The Movie

  • ****

    Direttur:          Jayson Thiessen

    Ilħna:               Uzo Aduba, Ashleigh Ball, Emily Blunt, Kristin Chenoweth, Taye Diggs, Andrea Libman, Michael Pena, Zoe Saldana, Liev Schreiber u Sia

    Ħin tal-Film:    99 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 U

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       PG

    Il-poni tal-Equestria bdew jħejju ruħhom għall-ewwel Festival ta’ Ħbiberija, issorveljati mill-Prinċipessa Twilight Sparkle. Din il-festa tiġi nterrompata minn invażjoni ta’ kreaturi mostri taħt it-tmexxija ta’ unikornu, b’qarn miksur, bl-isem ta’ Tempest Shadow. Permezz ta’ ossidjana maġika, Tempest Shadow jirnexxilha tippetrifika l-prinċipessi sħab Twilight. Sadanittant, il-Principessa Celestia mingħajr suċċess, titlob lil Prinċipessa Luna biex titlob għajnuna minn nofsinhar tal-Equestria. Twilight taħrab flimkien ma’ ħames poni oħra ħbieb tagħha: Pinkie Pie, Rainbow Dash, Rarity, Applejack u Fluttershy u l-assistent tagħha d-dragun Spike. L-għan tagħha kien li flimkien magħhom tfittex il-“hippos” li l-Prinċipessa Celestia kienet semmiet. Min-naħa l-oħra, Tempest ikollha kuntatt mas-superjur tagħha, Storm King li jordnalha biex tiġbor il-prinċipessi kollha tal-Equestria biex hu jkun jista’, bis-saħħa tagħhom, jattiva l-bastun maġiku tiegħu, b’wegħda li jekk tgħinu jkun jista’ jerġa’ jrodd lilha l-qarn li kienet tilfet.

    Fil-belt deżert ta’ Klugetown, is-seba’ ħbieb jiltaqgħu ma’ Capper, felin, li joffri li jgħinhom biex isibu l-hippos. Dan jagħmlu bil-ħsieb li meta jkun il-waqt, jbiegħhom biex hekk ikun jista’ jħallas id-dejn li kellu ma’ wieħed kriminal lokali. Iżda Capper isir ħabib ġenwin tagħhom għaliex Rarity kienet sewwietlu l-kowt. Tempest sadanittant tasal fejn kienet Twilight u ħbiebha. Dawn biex jeħilsu minnha, staħbew abbord ajruplan tal-ajru. Tempest tistaqsi lil Capper x’kien sar minnhom is-seba’ poni, iżda Capper, apposta jagħti informazzjoni żbaljata, issa li kien sar ħabib tagħhom u hekk patta xi ftit għal meta kien sejjer iqarraq bihom.  L-ekwipaġġ tal-ajruplan tal-ajru kontra qalbhom iħalluhom  abbord u jikxfu l-fatt li darba kienu pirati u li issa ġew mġegħla jkunu għas-servizz ta’ Storm King. Rainbow Dash tipperswadi lill-pirati biex ma jobdux iktar l-ordnijiet ta’ Storm King. X’jiġri minn hawn? Nassistu għal numru ta’ avventuri li dawn il-ħbieb jgħaddu minnhom.

    Film ta’ fantasija, animat-mużikali, msejjes fuq serje televiżiva: My Little Pony: Friendship is Magic. Il-film hu taħt id-direzzjoni ta’ Jayson Thiessen, kitba ta’ Meghan McCarthy, Rita Hsiao u Michael Vogel. Film ħelu ħafna, mużikali u mżewwaq b’ħafna kuluri vivaċi, b’messaġġi pożittivi li għandu jogħġob lit-tfal għalkemm xi xeni jistgħu jimpressjonaw lit-tfal iż-żgħar.