The Death of Stalin

  • ****

    Direttur:          Armando Iannucci

    Atturi:              Jason Isaacs, Rupert Friend, Andrea Riseborough, Olga Kurylenko, Steve Busscemi, Jeffrey Tambor, Richard Brake u Paddy Considine

    Ħin tal-Film:    106 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       18

    Fil-bidu tas-seklu għoxrin, hekk kif faqqgħet ir-Revoluzzjoni Bolxevika mmexxija minn Vladimir Lenin (1870-1924), beda żmien ikraħ ħafna għar-Russja u dan kompla taħt id-dittatur Joseph Stalin (1879-1953).

    F’kull rokna tal-pajjiż kont issib xi widna biex tirraporta dak li wieħed seta’ jlissen kontra r-reġim. Ħadd ma kien jgħix kalm u kwiet. Anke dak li kont taħseb li tista’ tafdah, seta’ jixlek quddiem l-awtorità u ssib ruħek maqtul jew ikkalzrat. Anke dawk li kienu "ta’ ġewwa” qatt ma kienu ċerti li ma jsibux ruħhom il-ħabs. Dawn li kienu qrib ħafna ta’ Stalin, kienu jagħmlu minn kollox biex jogħġbu lil Stalin għad-detriment ta’ xulxin f’atmosfera soffokanti u oppressiva.

    Fost dawn li kienu qrib ħafna Stalin, nsibu lil Georgy Malenkov, bniedem jiddandan bih nnifsu, Nikita Khrushchev, ambizzjuż, mimli bih nnifsu u Beria, l-agħar wieħed fosthom, mostru li stupra u qatel eluf ta’ Russi. Insibu wkoll fost dawn l-elit madwar Stalin, Anastas Mikoyan u Vyacheslav Molotov. Meta dawn isiru jafu li Stalin miet ħesrem, b’attakk ta' qalb, ir-reazzjoni tagħhom tkun ta’ paniku assolut. Stalin, skont l-istorja tal-film miet b’attakk ta’ qalb hekk kif irċieva nota xejn komplimentuża minn Maria Yudina, pjanista famuża mar-Russja kollha, li kienet bagħtitlu ma’ diska rrikordjata dik il-lejla stess. Hekk kif il-membri tal-Presidium isibu ma’ wiċċhom din il-qagħda xejn mistennija, kull wieħed minnhom jibda jara kif sejjer jiggwadanja l-poter wara dahar sħabu. L-ewwel ħaġa li kellhom jagħmlu kienet li jorgannizzaw funeral statali. Hekk isir, u Krushchev jiġi nkarigat li jieħu ħsieb kollox. Iżda x’jiġri waqt u wara l-funeral? Min tassew kien qiegħed imexxi l-pajjiż wara l-mewt ta’ Stalin? L-assurdità li tiżviluppa f’din is-sitwazzjoni tiġri biss meta ftit nies ikollhom wisq poter detrimentali għall-pajjiż kollu.

    Film Anglo-Franċiż, dramm kummiedja, taħt id-direzzjoni ta’ Armando Ianucci, msejjes fuq in-novella grafika Franċiza bl-istess isem: La mort de Stalin. Il-film jittratta fuq il-vojt li nħoloq bil-mewt ta’ Joseph Stalin u l-ġlieda għall-poter fost dawk li kienu qrib Stalin.  Il-film hu satirika politika. Minħabba li hemm xeni ta’ vjolenza brutali fosthom esekuzzjoni ta’ disidenti u arresti politiċi, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.