•  
  • Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Konkatidral ta’ San Ġwann

    1 ta’ Novembru 2017

    “Dan huwa n-nisel ta’ dawk li jfittxu l-wiċċek, Mulej.” (S 23, 6) F’din l-espressjoni mis-Salm 23 hemm miġbura l-qalba tal-qdusija, hija l-hena li jsemmi Ġesù “ta’ min hu fqir fl-ispirtu” (Mt 5, 3), ta’ min jirrealizza f’ħajtu l-bżonn radikali ta’ Alla. Fi kliem Patri Franku, Karmelitan, San Ġorġ Preca, il-qdusija hija li kuljum tgħix il-karba: “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok.” “Jiena nfittex lil wiċċek, Mulej, jiena ma nistħix mill-faqar tiegħi għax il-merti li bihom libbistni huma l-ħniena mqaddsa tiegħek.

    Aħna u nfakkru b’ferħ kbir il-qaddisin li jgawdu wiċċ il-Mulej, mhux iżjed bħal f’mera imma wiċċ imb wiċċ, nifirħu għaliex aħna msejħin għall-istess destin sabiħ. Wara kollox aħna wkoll imsejħin biex naħslu “l-ilbiesi tagħna fid-demm tal-Ħaruf” (ara Apok 7, 14). Bħalma għamilna fil-Magħmudija u kull meta nersqu lejn is-sagrament tal-Qrar, aħna naħslu lbiesna, dik il-libsa bajda li ngħatatilna fil-Magħmudija, fid-demm tal-Ħaruf.

    U meta nersqu b’umiltà biex nistqarru n-nuqqasijiet, il-ħtijiet u d-dnubiet tagħna, ir-Ragħaj it-tajjeb jgħannaqna ma’ sidru u bil-bewsa tar-rikonċiljazzjoni jkabbarna fil-qdusija. Il-kobor tal-qaddisin huwa dan il-faqar spiritwali li mhijiex meskinità imma maturità profonda li tgħaraf il-qagħda prekarja tal-eżistenza umana u tiftaħ il-qalb ta’ kull bniedem għad-destin sabiħ tal-hena u l-barka.

    Ħenjin, ħenjin, ħenjin! Aħna u llum nirringrazzjaw lil Alla “qaddis, qaddis, qaddis,” nirringrazzjawjh talli fil-ħniena tiegħu sejħilna għall-qdusija, bħalma sejjaħ lil qaddej ta’ Alla Patri Avertan. Hu li ried isir bniedem bħalna biex aħna nsiru allat bħalu, skont id-duttrina tal-Padres Griegi. “Kull min għandu t-tama fih isir safi bħalma safi huwa Kristu.” (1 Ġw 3, 2-3)

    U x’inhi din it-tama li għandha l-kapaċità ssaffina u ġġibna safja bħalma safi huwa Kristu? Hija t-tama li meta hu jidher, aħna nkunu bħalu għax narawh kif inhu. Din it-tama tal-ġenna għandha l-kapaċità ssaffina, għandha l-kapaċità tgħaddina minn dan il-wied ta’ dmugħ, dan il-wied mimli delużjonijiet u frustrazzjonijiet u perikli għar-ruħ u għall-ġisem, dan il-wied tad-dmugħ li fuqu tħares b’ħarsa ta’ ħlewwa Ommna Marija u magħha ġgajta ta’ qaddisin ħutna li għaddew mit-tiġrib (ara Apok 7, 14) u Alla sabhom lesti biex igawduh għal dejjem.

    Ejjew għandu intom “li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin u jiena inserraħkom.” (Mt 11, 28) Il-qdusija fl-eternità hija dan is-serħan fil-Mulej. Imma aħna nistgħu nduqu l-ġenna minn issa meta nitgħallmu fl-iskola tal-umiltà u fl-iskola tal-qaddisin, nistrieħu fil-Mulej. “Fil-Mulej il-mistrieħ ta’ ruħi” (S 62, 6) jgħid is-Salm 62. U din ir-realtà li aħna nawgurawha lil kull min għadda minn din id-dinja għall-ħajja ta’ dejjem, hija realtà wkoll li nistgħu ngħixuha minn issa jekk aħna nfittxu wiċċ il-Mulej.

    “Dan ikollu barka mingħand il-Mulej, u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu. Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxuh; li jfitxxu ’l wiċċek Alla ta’ Ġakobb.” (S 23, 6)

     Charles J. Scicluna     
         Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja