• *****

    Direttur:          Kenneth Branagh

    Atturi:              Kenneth Branagh, Penelope Cruz, Willem Dafoe, Judi Dench, Johnny Depp, Josh Gad, Derek Jacobi, Leslie Odom Jr., Michelle Pfeiffer u Daisy Ridley

    Ħin tal-Film:    114 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       12

    Hercule Poirot, detektiv privat Belġjan u magħruf sew, xtaq jieħu ftit jiem btala mix-xogħol investigatorju. Abbord it-Taurus Express għal Stamboul (Istanbul), jintebaħ b’żewġ passiġġieri, Mary Debenham u Dr. Arbuthnot. Għalkemm dehru li ma jafux lil xulxin, Poirot josserva, li kif kienu qegħdin iġibu ruħhom, kien jidher biċ-ċar li ma kienux stranġieri għal xulxin. Il-ferrovija tasal Stamboul. Poirot jirreġistra fil-Lukanda Tokatlian jistenna biex jaqbad ferrovija. Hawn jiltaqa’ ma’ ħabib antik, M. Bouc, il-kap tal-kumpanija li kienet tħaddem l-Orient Express, li offrilu post għal fuq il-ferrovija.  

    Fil-kamra tal-ikel tal-lukanda jinnota lil Ratchett u Hector McQueen jieklu. Poirot kien jaf li Ratchett kien bniedem ħażin u lil ħabibu jiddeskrivih bħala annimal. Poirot jieħu l-offerta ta’ M. Bouc u jitla’ abbord l-Orient Express. Ratchett u Hector McQueen ukoll jitilgħu abbord. Ratchett jitlob l-għajnuna ta’ Poirot minħabba li kien qiegħed jirċievi ittri anonimi b’theddida għal ħajtu. Poirot jirrifjuta. Abbord il-ferrovija fil-vagun tal-ewwel klassi, matul il-lejl josserva movimenti strambi. Filgħodu kmieni Poirot jiġi nfurmat li l-ferrovija kienet waqqfet għax matul il-lejl valanga laqtet il-ferrovija u mblukkat il-linji.

    Ftit ħin wara, M.Bouc jinforma lil Poirot li Ratchett kien inqatel u l-qattiel żgur kien għadu fuq il-ferrovija. Poirot jaċċetta li jinvestiga dan il-qtil. Fl-investigazzjoni, fil-kompartiment, fuq il-ġisem isib li Ratchett kellu tnax-il ferita b’daqqa ta’ arma bil-ponta. Poirot isib ukoll maktur bl-inizjali “H” fuqu, oġġett li jnaddaf pipa, suffarina differenti minn dik li kien juża’ Ratchett u biċċa karta maħruqa u fuqha kien jidher l-isem “Armstrong”. Dawn it-trufijiet li Poirot sab fuq is-sit tad-delitt, sejrin ikunu ta’ għajnuna biex isib min qatel lil Ratchett? Ratchett wara kollox min kien, u x’għamel biex ikun mhedded b’ħajtu? Kif laqtithom din il-mewta makabra, it-tnax-il passiġġier li kienu abbord il-vagun? Tgħid jirnexxielu Poirot jaqbad min kien li wettaq dan id-delitt u x’kien il-motiv wara dan il-qtil?

    Film Amerikan, mimli misteri, taħt id-direzzjoni ta’ Kenneth Branagh li jaħdem ukoll il-parti ta’ Poirot b’ħila kbira fost il-ħafna atturi magħrufa li jgħinu biex jagħmlu kapolavur minn dan il-film imsejjes fuq in-novella ta’ Agatha Christie. It-tema tal-film titlob li dan il-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.