"Min irid ikun qaddej tal-poplu jrid ikun ukoll qaddej umli" - L-Arċisqof

Quddiesa fuq l-artal ta’ San Carlo Borromeo, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann

  • L-Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Konkatidral ta' San Ġwann

    4 ta' Novembru 2017

    L-Evanġelju jgħid li l-Mulej Ġesù jinduna li qed jinnutawh “għajnejhom fuqu” (Lq 14, 1). Ovvjament kienu għajnejhom fuqu biex isibu biex jixluħ u biex ifixkluh. Imma anke hu kien qed jinnota x’kien qed jiġri u nnota li dawn l-imberkin kapijiet kienu qed jippruvaw jieħdu l-aħjar post (ara v.7) u, bħal missier ta’ mħabba kbira, jagħtihom lezzjoni. Din il-lezzjoni jagħtiha lilna wkoll.

    F’ħajtek toqgħodx taħli l-enerġija tfittex l-aħjar post fuq ħaddieħor, anzi jgħidilna, “agħżel l-aħħar” (v.10). B’xi mod qed jgħidilna ‘oqgħod fil-post tiegħek’, għad jiġi min jgħidlek “itla’ l-post ’l fuq […] għax min jiċċekken jitkabbar” (vv. 10-11).

    Din iċ-ċkunija hija ċ-ċkunija tal-qaddej. Mhijiex ta’ min joqgħod ikasbar lilu nnifsu għall-gost li jumilja ruħu. Illum nitgħallmu minn San Carlo Borromeo, dan l-isqof qaddis li għex 450 sena ilu: min irid ikun qaddej tal-poplu jrid ikun ukoll qaddej umli. Mhijiex kwistjoni ta’ arroganza jew suppervja imma hija kwistjoni ta’ servizz.

    Għalhekk bl-interċessjoni tiegħu, nitolbu għall-isqfijiet kollha tal-Knisja, nitolbu għas-saċerdoti, għall-leaders kollha spiritwali, għar-ragħajja tal-poplu biex ikunu nies li mhux ħsiebhom f’xi post aħjar imma li jkunu qaddejja tal-poplu.

    Nitolbu wkoll għal pajjiżna. Hemm din l-aħħar frażi sabiħa mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani Kap 11 li qrajna llum: “Alla ma jreġġax lura d-doni u s-sejħa tiegħu” (v. 29). Ħa nerġa’ ngħidha: “Alla ma jreġġax lura d-doni u s-sejħa tiegħu”. Lilna tana sejħa speċjali li nkunu Nsara u tana ħafna doni. Aħna nistgħu ninsewha din il-ħaġa imma Alla ma jinsieha qatt għax Alla li ħabbna meta l-appostlu Missierna ġie fostna u xandrilna l-Evanġelju, tana sejħa speċjali: li nkunu wlied id-dawl u dan id-don ma jinsih qatt, ma jreġġgħux lura. Aħna nistgħu nagħżlu li nitbiegħdu minn Alla imma Alla l-wegħda tiegħu jżommha u ma jitbegħedx minna. Dan huwa kliem ta’ sabar, kliem ta’ faraġ, kliem ta’ kuraġġ.

    Nirringrazzjaw lill-Mulej li fil-ħniena kbira tiegħu, anke meta ma nkunux daqshekk fidili lejh, hu ma jreġġagħx lura d-doni u s-sejħa tiegħu. Issa ngħaddu għall-offertorju u mal-offertorju noffru l-ħajja tagħna stess.

     Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta' Malta