-
-
San Luqa 17:26-37
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Bħalma ġara fi żmien Noè, hekk ukoll jiġri fi żmien Bin il-bniedem. Kienu jieklu, jixorbu, jiżżewġu u jżewġu, sa dakinhar li Noè daħal fl-arka; imbagħad ġie d-dilluvju u qeridhom ilkoll.
L-istess bħalma ġara fi żmien Lot; kienu jieklu, jixorbu, jixtru, ibigħu, iħawlu, jibnu, imma dakinhar li Lot ħareġ minn Sodoma, Alla bagħat xita ta’ nar u kubrit mis-sema u qeridhom ilkoll. Hekk ikun il-Jum li fih jidher Bin il-bniedem. F’dak il-Jum, min ikun fuq il-bejt u jkollu ħwejġu ġewwa fid-dar, iqis li ma jinżilx jeħodhom; hekk ukoll min ikun fir-raba’, iqis li ma jerġax lura.
Ftakru fil-mara ta’ Lot! Min ifittex isalva ħajtu, jitlifha; iżda min jitlifha, isalvaha. Ngħidilkom li, f’dak il-lejl, tnejn ikunu f’sodda waħda: wieħed minnhom jittieħed u l-ieħor jitħalla; żewġ nisa jkunu jitħnu flimkien; waħda minnhom tittieħed u l-oħra titħalla”.
Qalulu: “Fejn, Mulej?”.
U hu weġibhom: “Fejn ikun hemm il-ġisem mejjet, hemm l-isqra jinġabru”.
Qaddisa tal-jum: Santa Elizabetta tal-Ungerija