"Qatt tidraw l-Ewkaristija" - L-Arċisqof lis-seminaristi li rċevew il-Ministeru tal-Akkolitat

Erba' seminaristi istitwiti fil-Ministeru tal-Akkolitat

  • Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Is-Seminarju tal-Arċisqof, Tal-Virtù,

    13 ta' Novembru 2017

    Għeżież, issa intom jekk Alla jrid, se ssiru djakni f’April li ġej kif kelli ċans ngħidilkom fil-kollokju tal-lum. Baqa’ ħames xhur, ma tantx għad baqa’.

    U llum qegħdin hawnhekk, aħna l-komunità tas-Seminarju, jiena l-Isqof tagħkom, il-familji, il-ħbieb tagħkom u l-ħbieb fil-parroċċi tagħkom, biex nifirħu magħkom u nitolbu għalikom, intom u tirċievu l-Ministeru tal-Akkolitat. Niftakarni nipprepara għall-Akkolitat u nirrifletti għaliex dan is-sagrament ma jieħux l-isem mill-Ewkaristija. Il-Lettorat, pereżempju, jiddeskrivi l-ministeru li wieħed jaqra imma l-Akkolitat għaliex timxi wara xi ħadd. ‘Akkoliti’ li inti ssegwi to follow lil xi ħadd; l-akkolitu huwa dak li jsegwi lil xi ħadd. L-akkolti jintużaw fil-liturġija huma t-torċi li kienu jsegwu l-president tal-liturġija biex ikunu jistgħu jgħinuhom f’ambjenti inqas imdawla, imbagħad hu jkun jista’ jaqra mill-kotba liturġiċi.

    Intom imsejħin tkunu qaddejja tal-artal.

    Illum ħafna affarijiet saru parti miċ-ċerimonjal, tilfu ħafna mill-utilità tagħhom għax li tixgħel xemgħa f’dan id-dawl hija żina u tgħid ‘għandha bżonn ix-xemgħat fuq l-artal?’ Huma sinjal, m’għandhomx utilità, m’għandix bżonnhom biex naqra jien. Huma sinjal bħalma hu sinjal ukoll il-ministeru li se tirċievu anke għaliex irrid ifakkarkom li f’dawn l-aħħar xhur qabel id-djakonat, qabel tirċievu d-djakonat, l-Ordni Sagri u tinkardinaw ruħkom fid-djoċesi u d-djoċesi ssir responsabbli minnkom, intom tkunu committed għad-djoċesi u għall-Knisja. Tridu tifhmu li intom fundamentalment imsejħin tkunu qaddejja tal-artal. L-akkolitu huwa l-qaddej tal-artal.    

    Jiena nixtieq noffri ftit riflessjonijiet ispirtati mill-Evanġelju tal-lum li għandu tliet mumenti. L-ewwel mument huwa fejn Ġesù jitkellem dwar ir-realtà ta’ swied il-qalb tal-iskandlu. U Ġesù juża’ kelma li tissorprendik: “ma jistax ikun li ma jingħatgħux skandli” donnu qed jgħidilna li l-iskandli huma parti mir-realtà u kif jgħidu bit-Taljan dobiamo farci una ragione, nippruvaw nifhmu kif se ngħixu ma’ din ir-realtà tremenda.  “Imma ħażin għalih min ikun ħtija tagħhom” (Mt 17, 1) u juża’ espressjoni iebsa biex jispjega xi jsirlu min ikun kawża tal-iskandlu.       

    U intom tgħiduli, “Imma l-iskandlu għandu x’jaqsam mal-Ewkaristija?”  L-ewwel nett l-Ewkjaristija fiha nnfisha hi skandlu għaliex skandlu mhuwiex biss xi ħaġa negattiva imma hija xi ħaġa li triegħdek minn ġewwa. Ġesù stess jitkellem dwar min hu skandalizzat għaliex is-sejħa tiegħu hija sejħa radikali. Hemm min jitfixkel minħabba Ġesù. U Ġesù stess isir il-ġebla tal-iskandlu, ġebla li fuqha inti titfixkel. Quddiem il-misteru tal-Ewkaristija, il-kategoriji tagħna ma jibqgħux daqshekk ċari. Biex nifhmu l-misteru tal-Ewkaristija, li intom illum qed issiru qaddejja tiegħu, ministri tiegħu, irridu nifhmu li l-imħabba ta’ Ġesù hija mħabba verament skandaluża.            

    Aħna nipproklamaw lilna nfusna midinbin fil-bidu ta’ kull quddiesa.   

    Għaliex Ġesù ma ġiex biex isejjaħ lill-ġusti, imma ġie jsejjaħ il-midinbin għall-indiema. Il-fama li ħa hi li dan huwa dak li jiekol mal-Pubblikani u mal-midinbin u baqa’ jagħmel hekk f’kull quddiesa li titqaddes. Għax f’kull quddiesa li titqaddes, Ġesù joffri l-iskandlu għal ben pensanti  li jiekol mal-midinbin. Aħna nipproklamaw lilna nfusna midinbin fil-bidu ta’ kull quddiesa: “ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-akbar ħtija tiegħi” (att penitenzjali). Is-saċerdot, u l-Isqof b’mod speċjali, fl-Ewkaristija qed jiddikjara li mhuwiex denju. Is-saċerdot diversi drabi  fl-Ewkaristija jitlob maħfra ta’ dnubietu. Huwa l-iskandlu ta’ mħabba li ma tistmerrx li jkollha x’taqsam magħna.   

    Imma fl-istess ħin il-kliem ta’ Ġesù jfakkarna fi kliem simili ta’ San Pawl meta jitkellem fuq il-ħtieġa li aħna nersqu lejn it-tqarbin bid-dispożizzjoni neċessarja, b’mod xieraq. “Intom qaddejja ta’ dan il-ministeru li għal min hu dispost jilqgħu tajjeb huwa manna, huwa d-duwa, imma għal min jistmerru u xorta jersaq lejh, isir velenu. U għalhekk dan hu l-ewwel ħsieb: li intom tkunu qaddejja tal-Ewkaristija. Itolbu li l-ebda mrar tal-ħajja, l-ebda dnub ma jbegħedkom mill-mejda tal-Mulej imma itolbu li intom issiru xierqa ta’ don hekk kbir bir-rikonċiljazzjoni, is-Sagrament tal-Qrar, billi titolbu maħfra sinċiera tad-dnubiet tagħkom.    

    U meta l-Mulej jgħidilkom “oqgħodu attenti” (v. 3), din il-kelma ‘oqgħodu attenti’ hija wkoll stedina biex aħna u nersqu lejn l-Ewkaristija nipperswadu ruħna kemm m’aħna xejn imma fl-istess ħin inħallu lill-Mulej imissna għaliex il-fatt li hu jidħol taħt is-saqaf tagħna għandu l-qawwa li jfejjaqna. “Ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi imma għid biss kelma waħda u ruħi tkun imfejqa.” (Mt:8:8) Il-Papa Franġisku jinsisti fuq it-tagħlim tal-Missirijiet tal-Knisja dwar l-Ewkaristija bħala mediċina tar-ruħ, mhux biss duwa, mhux biss nutriment, imma mediċina. 

    It-tieni kwadru li jippreżentalna l-Evanġelju tal-lum huwa dwar il-korrezzjoni fraterna. “Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, widdbu, u jekk jindem, aħfirlu. U jekk jonqsok seba’ darbiet f’ġurnata, u jdur lejk seba’ darbiet u jgħidlek ‘jisgħobbija’, aħfer” (vv. 3-4). Intom u ssiru qaddejja tal-Ewkaristija, tinsewx li intom ukoll qaddejja ta’ dan is-sagrament li jippressuponi l-konċentrazzjoni imma fl-istess ħin iwassalna għar-rikonċiljazzjoni. Il-Mulej, aħna u nirċevuh fl-Ewkaristija qed jaħfrilna, mhux biss allura “bit-tagħlim tal-Evanġelju nitnaddfu minn dnubietna”, għax hekk ngħidu aħna s-saċerdoti, “bit-tagħlim tal-Evanġelju nitnaddfu minn dnubietna”, imma wkoll bl-Ewkaristija. Is-saċerdot, qabel jirċievi l-Ewkaristija jitlob li “l-Ewkaristija ma tkunx ta’ kundanna imma tkun għalih ta’ fejqan fir-ruħ u fil-ġisem”. Dan huwa t-talb tal-Knisja, din hija l-fidi tagħna,  dan huwa kliem li aħna nirrepetuh kuljum, aħna s-saċerdoti, intom ikollkom il-grazzja wkoll tagħmlu hekk, imma rridu nirriflettu fuq l-Ewkaristija bħala l-mument fejn Ġesù jaħfirli billi jħaddanni miegħu bħar-Tagħaj it-Tajjeb. Wara kollox anke fil-kliem li s-saċerdot jgħid in persona Christi, Ġesù jgħid: “Dan hu demmi mxerred għall-maħfra tad-dnubiet”.    

    In-nies se jindunaw bil-fidi tagħkom bil-mod kif turi qima lejn is-Sagrament, il-mod kif iġġib ruħek waqt il-liturġija, il-mod kif tqarben.

    It-tielet kwadru jitkellem dwar il-fidi. L-appostli qalu lil-Mulej: “Kattar fina l-fidi”. U Ġesù juża’ din l-espressjoni iperbolja, ta’ esaġerazzjoni: “Kieku kellkom fidi imqar daqs iż-żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din is-siġra tat-tut: ‘inqala’ u mur tħawwel fil-baħar’ u hi kienet tisma’ minnkom” (vv. 5-6).  Irrid nammeti li tqanqal il-qalb tal-bniedem jaf ikun diffiċli iżjed milli tqanqal siġra tat-tut u dawn il-mirakli jseħħu, bil-qawwa tal-fidi ta’ ħafna saċerdoti, magħrufa biss lil Alla.                            

    Imma tinsewx li intom u ssiru akkoliti, se ssiru qaddejja tal-misteru tal-fidi. Għax is-saċerdot wara l-konsagrazzjoni hekk jgħid: “Dan hu l-misteru tal-fidi”. U allura quddiem l-Ewkaristija, intom u tkunu quddiem l-Ewkaristija fl-adorazzjoni, intom taqdu l-artal mill-viċin, itolbuh bħalma għamlu l-appostli: “kattar fina l-fidi”. Għaliex in-nies, il-poplu ta’ Alla, se jindunaw bil-fidi tagħkom bil-mod kif iġġibu ruħkom mhux biss bl-indafa li tħallu fuq l-artal, imma anke bil-mod kif turu qima lejn is-Sagrament, il-mod kif iġġibu ruħkom waqt il-liturġija, il-mod kif tqarbnu. Mingħajr ma taf tkun qed tikkomunika jew il-fidi jew in-nuqqas ta’ fidi.     

    Itolbu l-grazzja intom li llum qed tiġu istitwiti ministri tal-Ewkaristija, ministri straordinarji tal-Ewkaristija, akkoliti, li qatt ma tidrawha l-Ewkaristija, li qatt ma tittrattawha bħal min jieħu d-droga. Ġesù li istitwixxa permezz tar-rivelazzjoni privati lil Santa Marija Margerita Alacoque, istitwixxa l-festa tal-Qalb ta’ Ġesù  fuq ix-xewqa tiegħu bħala riparazzjoni għad-disprezzi li jirċievi fl-Ewkaristija inkluż mis-saċerdoti, meta ħallew ma nitqarbnux b’mod xieraq jew inkella nitrattawha b’disprezz.   

    Intom u ssiru anke ministri tal-Ewkaristija, il-Knisja qed tgħidilkom intom u tersqu lejn l-Ordni Sagri ħudu ħsieb li tippreparaw sew billi tidħlu f’dan l-ispirtu ta’ qima profonda lejn dak li qed tiċċelebra l-Knisja.

    Niftakar waħda mill-istejjer li smajt Ruma kienet ġrat fit-Tieni Gwerra Dinjija u kien hemm kunvent tas-sorijiet li ntlaqat b’bomba tal-alleati lejn l-aħħar tal-gwerra. Il-Madre Superjura rrealizzat li parti mill-knisja kienet iġġarfet u kien hemm is-Sagrament fit-tabernaklu. Marret u fetħet it-tabernaklu, ħadet is-Sagrament u poġġietu f’post sigur. Imbagħad irrealizzat x’kienet għamlet: soru fetħet it-tabernaklu. Dan kien fl-1944. Ċemplet lill-Vigarjat biex tammetti d-dnub tagħha u kien hemm vigarju qaddis u qagħad joqgħod jisma’. Qaltlu, “Issa għadda kollox, x’nista’ nagħmel?” Qallha, “Soru, kif ftaħt it-tabernaklu erġa’ għalqu.”  

    Hemm bżonn ngħallmu ftit kif nittrattaw l-Ewkaristija.

    Niftakar l-ewwel darba li bdejt inservi bħala djaknu f’Ħal Lija, kont kuntent ħafna u kont qed inservi lil Mons. Alfred Xuereb. Kien wara l-Għid, sirna djakni fi Frar, imbagħad fl-Għid kellna l-quaranturi f’Ħal Lija u Mons. Xuereb qalli, “Charles, issa mur u ġib is-Sagrament.” Jiena mort, imma ma stajtx nlaħħaq mat-tabernaklu, allura ħadt nifs profond, erġajt mort lura lejn l-artal u għedtlu ‘ma nlaħħaqx’. U kellu jmur Dun Alfred Xuereb biex iġib is-Sagrament. Imma kemm hi ħaġa sabiħa fl-istess ħin li jekk hemm bżonn ngħallmu ftit kif nittrattaw l-Ewkaristija; hija l-bżonn tal-edukazzjoni, il-bżonn li dak li nagħmlu nagħmluh b’sens ta’ fidi u nħossuna privileġġati li  aħna daqshekk qrib tal-Ewkaristija. Illum se tqarrbnu lill-familjari tagħkom bħala ministri istitwiti. Huwa privileġġ li tagħti l-ostja tal-ħajja lil min tak il-ħajja.

    ✠ Charles J.Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja