Justice League

  • *****

    Direttur:         Zack Snyder

    Atturi:             Ben Affleck, Henry Cavill, Amy Adams, Gal Gadot, Ezra Miller, Jason Mamoa, Ray Fisher, Jeremy Irons, Diane Lane, J. K. Simmons u Connie Nielsen

    Ħin tal-film:    120 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:               12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                    12A

    Waqt li d-Dinja għada tħoss it-telfa tas-superman li kien maħsub li miet fl-avventuri li seħħew f’Batman vs Superman: Dawn of  Justice, Bruce Wayne: Batman, qiegħed jiffaċċja  inkwiet serju.  Wayne hu l-mexxej u l-benefattur ta’ grupp ta’ meta-umani, sinjur u jmexxi l-Wayne Enterprises, jiddedika ħafna minn ħinu jħares il-belt ta’ Gotham minn kriminalità organizzata. Meta jinqala’ l-bżonn isir il-viġilant  tal-belt bħala l-Batman, armat sew sa snienu, b’armi ta’ qawwa kbira.

    Meta jum wieħed qabad fil-fatt wieħed ħalliel, f’daqqa jigi wiċċ imb wiċċ ma’ kreatur bi ġwienaħ li joffri reżistenza qawwija lil Batman. Kienet biss bil-ħila li kellu li rrnexxielu jegħlbu. Dan il-kreatur misterjuż, f’sidru dehru tliet kaxxex. Alfred Pennyworth, il-kap tas-sigurtà u ta’ fiduċja kbira, għarraf lil Wayne li Steppenworth, kreatur militari minn dinja oħra, bl-isem ta’ Apokolips qiegħed imexxi armata ta’ Parademons fuq ordni tas-superjur tiegħu Darkseid biex isib tliet Mother Boxes li kienu jinsabu x’imkien fid-Dinja.

    Wayne rrealizza li waħdu ma jista’ jagħmel xejn u għalhekk ġabar madwaru tim qawwi ta’ nies li fil-passat kienu ġa wrew xi ssarfu. Dawn kienu Diana Prince: Wonder Woman, li ġa kellha konoxxenza ta’ Wayne, attwalment ġellieda immortali Amażonja, pinċipessa ta’ Themyscira, bint Hippolyta u Zeus. Diana tippossjedi abilitajiet sovrumani li wirtet mingħand il-ġenituri tagħha; Barry Allen: The Flash, student universitarju, b’abiltà li jiġri b’qawwa fenominali li anke jegħleb il-Forza tal-Velocità;  Arthur Curry: Aquaman, il-ħila fl-ilma li kellu u l-attribwit fiżikali li kien ġej minn fiżjoloġija Atalantana;  Victor  Stone: Cyborg, wara incident kwazi fatali illum il-ġurnata għandu qawwa li jibdel idejh f’kanuni.  Tgħid dan it-tim li Wayne rrnexxielu jiġbor flimkien, jirnexxielhom jegħlbu l-isfida serja li Steppenwolf kien qiegħed jhedded il-futur tad-Dinja? Forza waħda biss kienet nieqsa biex tagħmel din il-forża firmidabbli: is-Superman. Verament, x’kien sar minnu?

    Film Amerikan, mimli azzjoni u tant mistenni minn ħafna ammiraturi ta’ Batman, Wonder Woman, The Flash, Aquaman u Cyborg, supereroj. Il-film hu taħt id-direzzjoni ta’ Zack Snyder, msejjes fuq storja miktuba minn Chris Terrio u Zack Snyder. Waqt li d-Dinja tinsab f’luttu għal mewt ta’ Superman, ħames supereroj jingħaqdu biex jeħduha kontra tehddida serja. Film pożittiv li juri li s-sewwa jirbah żgur fuq kull forma ta’ ħażen.