The Star

  • Direttur:          Timothy Reckart

    Ilħna:               Steven Yeun, Gina Rodriguez, Zachary Levi, Keegan-Michael Key, Kelly Clarkson, Patricia Heaton, Kristin Chenoweth,Tracy Morgan, Tyler Perry u Oprah Winfrey

    Ħin tal-Film:    86 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:            U

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                  PG

    Marija, xebba minn Nazaret, jkollha żjara minn anġlu li jħabbrilha li kienet sejra twelled il-Messija. Abby, ġurdien, jisma’ din l-aħbar u jinforma l-annimali l-oħra hekk kif Stilla bdiet tixħet dawlha matul il-lejl. Tliet xhur wara, ħmar għajjien bix-xogħol, xtaq ħafna li jingħaqad ma’ karwana biex iħossu importanti. Waqt il-ħarba jweġġa’ riġlu. B’xorti tajba sab ruħu qrib id-dar ta’ Marija u Ġużeppi li kienu għadhom kif iċċelebraw il-festa tat-tieġ. Marija ddaħħlu ġewwa u ssemmih Bo, waqt li tinforma lil Ġużeppi li hi kienet ħarġet tqila. Ġużeppi jaċċetta l-qagħda ġdida li sabet ruħha fiha martu Marija wara li talab lil Alla biex inebbħu x’għandu jagħmel.

    Sadanittant Bo u Dave, il-ħamiema ħabib tiegħu, jibdew jaraw kif jitilqu għalkemm Marija dejjem uriet ħlewwa maghhom. Bo u Dave iżda spiċċaw joqogħdu sitt xhur magħhom wara li biddlu l-ħsieb. F’dan il-waqt li qiegħed iseħħ dan ġewwa Nazaret, tliet għorrief mill-Lvant, fuq il-ġmula Felix, Cyrus u Deborah, jaslu fil-palazz ta’ Erodi mmexxija mill-Istilla. It-tliet għorrief juru lil Erodi r-rigali ta’ deheb, inċens u mirra li kienu ġabu għar-re ġdid. Erodi jibgħathom fit-tfittxija tagħhom għar-re ġdid, iżda bil-moħbi jibgħat suldat b’żewġ klieb, Thaddeus u Rufus biex huma wkoll isibu r-re ġdid u joqtluh.

    Sadanittant Marija u Ġużeppi jitilqu għal Betlem. Bo u Dave għal darb’oħra jippruvaw jaħarbu iżda jsibu ma’ wiċċhom iż-żewġ klieb, Thaddeus u Rufus. Permezz ta’ Abby, isiru jafu li Marija u Ġużeppi kienu telqu mid-dar u li suldat u l-klieb kienu qegħdin iffitxuhom. Bo u Dave, iddispjaċuti, jiddeċiedu li jitilqu jfittxu lil Marija u lil Ġużeppi biex iwissuhom  bil-periklu. Fit-triq jiltaqgħu ma’ Ruth, nagħġa li kienet ħalliet il-merħla biex timxi wara l-Istilla. Sħabha rrifjutaw li jagħmlu l-istess. B’xorti tajba, Bo u Dave jsibu lil Marija u lil Ġużeppi fil-ħin u jwissuhom bil-periklu. X’jiġri minn hawn? Nibdew nassistu għal sensiela  ta’ avventuri li jkomplu jirrevelaw  x’ġara fl-ewwel Milied.

    Film Amerikan, animat komputerizzat, taħt id-direzzjoni ta’ Timothy Reckart, kitba ta’ Carlos Kotkin u Simon Moore.  Film ħelu ħafna li l-karattri li niltaqgħu magħhom kienu jħossu l-ħtieġa tat-talb biex jiggwidahom biex jagħmlu r-rieda t’Alla. Film ta’ min jirrikmandah għall-familja kollha hekk kif riesaq il-Milied.