Fis-sbuħija tal-Immakulata Kunċizzjoni aħna naraw tassew il-glorja tal-Mulej u l-qawwa tas-salib - L-Arċisqof

L-Arċisqof fil-bidu tan-Novena bi tħejjija għall-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni

  • Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja Parrokjali ta' Bormla

    28 ta’ Novembru 2017

    Mhix hi ġarritu fil-ġuf tagħha għal disa’ xhur? Mhux hi wellditu fl-għar ta’ Betlehem? Mhix hi fisqitu, għożżietu, kabbritu. Kienet xhud tal-ewwel passi tiegħu, tal-ewwel kelma li qal, tal-bikjiet tiegħu tarbija.  Mhix hi li ratu jilgħab ma’ sħabu ġo Nazaret tifel ċkejken? Mhix hu nkwetat meta ta’ 12-il sena, intilfilha u qalbha maqsuma flimkien ma’ Ġużeppi fittxitu għal tliet ijiem sħaħ? Ferħet meta sabitu fit-tempju jiddiskuti mad-dutturi. Dakinhar Ġesù niżel Nazaret flimkien ma’ ommu u ma’ Ġużeppi u l-Evanġelju ta’ San Luqa jgħidilna: kien joqgħod għalihom, jobdihom u “kien jikber quddiem Alla u quddiem il-bnedmin” (Lq 2, 52).

    “Agħmlu kull ma jgħidlkom hu” (Ġw 2, 5). Kemm għall-qaddejja u kemm għal Ġesù, dan kien kliem għażiż. Ġesù jirrealizza li ommu kienet qiegħda timbuttah biex juri l-glorja tiegħu quddiem id-dixxipli tiegħu. Kien stedinhom għat-tieġ f’Kana tal-Galilija. Ma kinux ilhom ħafna li ltaqgħu miegħu li staqsewh: “Mgħallem, fejn tgħix?”. “Ejjew u taraw” (Ġw 1, 38-39). U dakinhar mhux raw biss min kienet ommu, min kienu l-kuġini tiegħu u l-qraba u l-ħbieb tiegħu. L-Evanġelju jgħidilna “dakinhar raw il-glorja tiegħu, dakinhar emmnu fih” (2, 11). 

    L-Immakulata Kunċizzjoni llum qed tistedinna biex naraw il-glorja ta’ binha fil-ġmiel tagħha. Meta aħna nissaħħru bil-ġmiel tal-Kunċizzjoni nkunu qegħdin naraw xhieda tal-glorja ta’ binha għax kien bil-merti ta’ binha li l-Mulej ħarisha minn kull tebgħa tad-dnub. Lilna midinbin ħelisna mid-dnub imma lilha, kollha sabiħa, ħarisha mid-dnub; l-ebda dnub ma fixkilha, l-ebda dnub ma tebbagħha. Fis-sbuħija tal-Kunċizzjoni, tal-Immakulata Kunċizzjoni, aħna naraw tassew il-glorja tal-Mulej, il-glorja ta’ binha, il-qawwa tas-salib, il-qawwa tal-irxoxt tiegħu. U aħna dixxipli dgħajfa u midinba, nemmnu fih.

    O Marija, illum aħna nifirħu bik li int il-għaxqa tal-Bormliżi. Illum aħna nifirħu nithennew narawk ħierġa min-niċċa biex tmur taħt il-mant ħa ngawduk mill-viċin. Illum, fis-sbuħija tiegħek, fil-ħarsa umli ta’ wiċċek, naraw il-glorja ta’ binha, ta’ ubnek Ġesù. Aħna, dixxipli dgħajfa tiegħu, nitolbuk għinna nemmnu fih, għinna nagħmlu kull ma jgħidilna hu. O Marija li dħalt fid-dinja mingħajr tebgħa aqgħlalna l-grazzja li noħorġu minnha mingħajr ħtija.

    Viva l-Immakulata Kunċizzjoni!

    ✠ Charles J.Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta