Il-messaġġ tal-Arċisqof lill-adolexxenti li għamlu l-Griżma fix-Xgħajra

  • Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja tax-Xgħajra

    12 ta’ Novembru 2017

    L-ewwel nett nirringrazzja ħafna liż-żgħażagħ talli aċċettajtu li tirċievu s-Sagrament tal-Griżma. Nirringrazza ħafna lill-parrini tagħkom li qed jidħlu għar-responsabbiltà li jissapportjawkom. Nirringrazzja ħafna lill-ġenituri tagħkom li ppreżentawkom għal dan is-sagrament, issapportjawkom intom u tippreparaw rwieħkom. Nixtieq nirringrazzja lill-komunità kollha tax-xogħol li sar fil-preparazzjoni tagħkom.

    Fl-Ewwel Qari smajna silta sabiħa mill-Profeta Isaija u l-aħħħar vers, il-vers 9 tal-kapitlu 61, kien jgħid hekk: “Kull min jarahom jagħarafhom li huma nisel imbierek mill-Mulej” (Is 61, 9). Issa intom kontu trabi meta l-ġenituri tagħkom ħadukom fil-knisja biex titgħammdu u dakinhar sirtu parti min-nisel, mill-familja tal-Mulej. Intom sirtu parti mill-Knisja, minn “dan in-nisel imbierek mill-Mulej”, għax jiltaqa’ f’ismu: fl-isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

    Illum intom ħadtu deċiżjoni: għażiltu s-sħubija tagħkom f’dan in-nisel. Infatti intom membri ta’ din il-familja, mhux biss tiddikjarawh quddiem kulħadd imma wkoll minn hawn u fitt ieħor se ġġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija. Għadni kif iddikjarajtkom membri adulti tal-fidi mhux għax għalaqtu 18, dak għad baqagħlu ftit imma malajr jasal, imma intom malli tagħmlu l-Griżma tal-Isqof fil-knisja, issiru membri adulti, jiġifieri tgħid, ‘jiena irrid inkun xhud ta’ Ġesù, jiena, mhux il-mamà u l-papà, jew in-nanna u n-nannu jew iz-ziju, il-parrinu jew il-parrina, imma jien”. Dak ifisser li tkun membru adult.

    Il-Mulej jagħik din il-qawwa, din l-għajnuna inti u tikber. Kull min jarakom irid jagħrafkom li intom ta’ Ġesù. Jiena meta nagħmel is-sinjal tas-salib fuq moħħkom, u nidlikkom biż-żejt tal-Griżma, żejt ikkonsagrat f’Ħamis ix-Xirka li għadda, se ngħidlkom dan il-kliem: “Ħu s-siġill tad-don tal-Ispirtu s-Santu”. U se nsejjaħlek b’ismek, l-isem li ngħatalek fil-Magħmudija.

    Illum nixtieq li nagħtikom isem mogħti fil-Griżma, ovvjament l-isem tas-subien u l-bniet mhuwiex l-istess u nixtieq li intom tieħdu dan l-isem li qed nagħtikom biex turu wkoll l-għaqda tagħkom mal-Papa. Il-Papa x’jismu? Franġisku, jew inkella Francesco. Allura s-subien se nagħtihom l-isem Francesco u l-bniet Francesca.  Issa dan ma jidhirx fuq l-identity card biex ma nħawwdux, imma dana tiftakruh b’tifkira tal-Griżma, meta inti qed tikkonferma l-Magħmudija tiegħek, qed jingħatalek isem li jfisser bniedem ħieles, Francesco hekk tfisser: bniedem ħieles. U intom jagħrfukom bl-imħabba li turu billi turu li intom verament rċevejtu l-qawwa tal-Ispirtu ta’ Ġesù.   

    Xi tlabna fis-Salm Responsorjali? “Oħloq fija qalb safja, o Alla u spirtu qawwi ġedded fija” (S 51. 12). Kemm hu sabih dan il-vers minn Salm 51, salm li kiteb is-sultan David f’mument ta’ ndiema kbira. Imma jgħodd ukoll għal dan li qed niċċelebraw, intom qed titolbu lil Ġesù li joħloq fikom qalb safja u jġedded fikom l-Ispirtu qawwi, Spirtu li bih tixhdu li intom “nisel imbierek mill-Mulej”, intom Insara. Kull min jarakom jagħrafkom mhux biss bil-kliem tagħkom, bil-mod kif iġġibu ruħkom, bl-għażliet li tagħmlu. Illum intom se tingħataw qawwa kbira tal-Ispirtu qaddis bid-dilka biż-żejt qaddis u bil-kelma tal-Knisja u emmnu li għandkom din il-qawwa tagħżlu t-tajjeb u tgħidu ‘le’ għall-ħażin. Għax Ġesù wegħedtkom li jibagħtilkom konsolatur. Agħtu każ, dan hu l-Ispirtu s-Santu, dak li inti meta jkollok bżonn l-għajnuna, issejjaħlu u jiġi bil-qawwa tiegħu.        

    Ħa nagħtikom eżempju tifhmuh iżjed meta tikbru. Tkun f’xi post ta’ divertiment, mhux bilfors hawnhekk u jiġi xi ħadd u joffrilek id-droga. Jgħidlek ‘nagħtihielek b’xejn illum’. Inti għandek bżonn qawwa kbira biex tgħidlu ‘le, no thank you’, m’hemmx għalfejn tagħtih daqqa ta’ ponn. Imma trid tkun sod biex tgħidlu ‘no thank you’. Ara int kont pulit, ma ġġelidx imma ddefendejt lilek innifsek, iddefendejt lil ħajtek. Lill-ġenituri tiegħek biss biss ħlisthom minn balla nkwiet għaliex in-Nisrani jrid ikollu l-qawwa jgħid ‘iva’ għat-tajjeb u ‘le’ għall-ħażin. U aħna dgħajfin, għandna bżonn il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu biex nagħżlu t-tajjeb, ngħidu ‘iva’ lit-tajjeb u ngħidu ‘le’ lill-ħażin.       

    U din il-qawwa li se tingħata! Xi ħadd pereżempju jittantak biex tagħmel dnub miegħu, tmur tisraq miegħu. Inti se tgħidlu ‘iva mmoru nieħdu naqra bużż, nagħmlu ħsara lil ħaddieħor’. Mhux sewwa! Irid ikollok il-qawwa biex tgħid ‘le’. Bħalma xi ħadd jgħidlek ‘isma’ hemm tifel marid, immorru narawh?’. ‘Ħa ngħid lil ommi, ħa ngħid lill-ġenituri’. Din hija opra tajba. Il-Mulej jagħtik il-qawwa u l-faraġ tagħżel it-tajjeb, dejjem bil-permess u dejjem mhux tmur taqbad u tagħmel ta’ rasek u ommok u missierek jinkwetaw fejn mort għax tista’ tmur tagħmel l-aqwa ġid imma trid tgħidilhom. Imqar messaġġ.      

    Jiena għandi suġġeriment għalikom: intom l-ewwel grupp minn din il-komunità li se tirċievu l-Griżma f’dan l-ambjent. Tinsewhiex lill-komunità tax-Xgħajra għax intom adulti, biex imbagħad tgħidu, ‘exit, bye bye imma jekk niżżewweġ fil-knisja nerġa’ niġi ta’. Mhux hekk! Illum huwa sagrament fejn inti tibda staġun ġdid ta’ ħajja Nisranija mhux nagħlqu l-kotba u ngħidu, ‘almenu, issa ħlist minn Fr Colin, ajma x’biża’, u mill-Isqof iżjed u iżjed’. L-ewwel nett inti ma tiġix għall-wiċċ tal-Isqof u lanqas għal Fr Colin, tiġi għal Ġesù għax ikun hawn min ikun hawn hawnhekk inti se tisma’ l-kelma ta’ Ġesù, se tirċievi l-ġisem ta’ Ġesù. Ġesù se jaħfirlek d-dnubiet tiegħek.                

    Allura l-ewwel parir tiegħi hu: fittxu l-komunità Nisranija, fittxu li tkunu ħbieb ta’ xulxin, fittxu t-tagħlim. Importanti nibqgħu nitgħallmu dwar Ġesù, dwar it-tagħlim tal-ħajja li jagħtina ferħ kbir ġol qalb tagħna. U fittxu wkoll li tkunu preżenza sabiħa mhux biss fix-Xgħajra imma kullimkien fil-pajjiż għażiż tagħna ħalli kull min jarakom, kull min jagħrafkom, kull min jismagħkom titkellmu jgħidu, ‘ara kemm jitkellmu b’mod meqjus, ma tismax dagħwa ħierġa jew kelma ħażina’. Kull min jarakom jagħrafkom li intom “nisel imbierek mill-Mulej”. 

    ✠ Charles J.Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta