• Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja Parrokkjali, iż-Żurrieq

    12 ta’ Novembru 2017

    Ftit ħsibijiet u nixtieqkom toqgħodu attenti u tisimgħuni. L-ewwel nett nirringrazzjakom mill-ġdid, għeżież żgħażagħ, li ġejtu hawn illejla mal-parrini tagħkom u mal-ġenituri, biex qabel tirċievu l-Ispirtu s-Santu bħala Nsara adulti kif għadni kif iddikjaratkom, iġġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija.

    Meta tgħammidtu kontu trabi, ma tiftakrux l-Magħmudija tagħkom. Il-ġenituri u l-parrini ħadu r-responsabbiltà li f’isimkom jiċħdu lix-xitan u jilqgħu fil-ħajja tagħkom lil Alla li huwa mħabba: il-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Illum, il-mistoqsijiet li saru lill-parrini u l-ġenituri tagħkom fil-Magħmudija tagħkom, se nagħmilhom lilkom. Illum intom se tirrispondu. Peress li hawn 110, se nregħdu ż-Żurrieq kollu bir-risposti tagħkom. Irrid nismagħkom jien tiċħdu lix-xitan u temmnu f’Alla li huwa mħabba. 

    Meta ġġedded il-wegħdiet tal-Magħmudija tkun qed tgħid ‘jiena rrid ngħix ta’ Nisrani, ta’ Nisranija’. Il-Magħmudija tagħmlek Nisrani, tagħmlek Nisranija. Il-Magħmudija tfisser li inti tgħix f’Ġesù għax meta titgħammed qisek għaddas, qed togħdos f’Ġesù, qed tgħix f’Ġesù. Ġesù qiegħed fil-qalb tiegħek, fir-ruħ tiegħek, fil-moħħ tiegħek, fil-mod kif tgħix id-deċiżjonijiet li tieħu. U din hija għażla li intom qed tikkonfermaw, għalhekk isem ieħor ta’ dan is-sagrament huwa ‘konfermazzjoni’ li jiena nikkonferma l-għażla ta’ Ġesù f’ħajti. Mela l-ewwel parir li nagħtikom illum huwa li tieħdu bis-serjetà dan l-impenn li se tesprimu quddiemna minn hawn u ftit ieħor.  

    It-tieni, intom se tilqgħu d-don tal-Ispirtu s-Santu li huwa l-Ispirtu ta’ Ġesù għax l-ispirtu ta’ Ġesù huwa spirtu ta’ mħabba, spirtu ta’ tjubija, spirtu ta’ verità, spirtu ta’ rażan, spirtu li jġib il-paċi. U dan l-ispirtu Ġesù jsejjaħlu avukat, rigal, don, kariżma. Huma l-istess kelma b’lingwi differenti għaliex dan id-don huwa qawwa speċjali biex inti l-impenn li ħadt li tgħix il-Magħmudija, ikollok il-forza tagħmlu. Mela d-don tal-ispirtu se jingħatalek illum bid-dilka biż-żejt imqaddes tal-Griżma u bit-talba tal-Knisja biex inti tissaħħaħ  u titqawwa ħalli tkun xhud ta’ Ġesù fid-dinja.     

    Trid tkompli tfittex għaqdiet, kumpanija Nisranija.

    Ix-xhud irid jgħid ‘iva’ għat-tajjeb u jrid jgħid ‘le’ għall-ħażin. Ħa nagħtikom eżempju, ibqgħu ftakruh. Tkunu xi mkien ta’ divertiment, meta tikbru, mhux bilfors issa. Xi ħadd joffrilek id-droga, inti trid tgħidlu ‘le’. Għandek l-għażla imma l-parir li nagħtik huwa li tgħid ‘le’. Tista’ tgħidha bil-pulit, no thank you, m’hemmx għalfejn bil-ġlied. Imma jekk trid tiffranka lilek innifsek u lil min iħobbok, lill-ġenituri tiegħek, balla nkwiet, trid tgħid ‘le’. Tifhmuni mela meta ngħid li xhud Nisrani jgħid ‘iva’ għat-tajjeb imma jrid jitgħallem jgħid ‘le’ għall-ħażin. Xi ħaġa li se tagħmillek id-deni tgħid ‘le’. U tkun sod. Xi ħadd irid jinqeda bik, japprofitta ruħu minnek, meta tikbru tifhmuni iżjed. Titgħallem tgħid ‘le’.  

    U biex ikollok din is-saħħa trid tkun ma’ sħabek Insara, trid tkompli tfittex għaqdiet, kumpanija Nisranija. Allura ħsieb ieħor li rrid inħallilkom illum huwa li din mhijiex ‘Grexit’, jiġifieri Griżma-exit mill-Knisja. “Bye, bye Arċipriet, imbagħad niltaqgħu meta niżżewweġ, jekk niżżewweġ bil-Knisja nerġa’ niġi”. Mhux hekk. Illum bidu ġdid mhux it-tmiem tal-ħajja Nisranija, bidu ġdid!     

    Intom bħala adulti qed tagħżlu lil Ġesù. Tafu xi tridu u tifhmu xi tridu, u allura tridu tibqgħu tisimgħu l-kelma ta’ Ġesù għax Ġesù ma jdejjaqkomx, għażiltuh. Tridu tersqu għandu biex jaħfrilkom id-dnubiet tagħkom għax hu ma jigdem lil ħadd. Tridu titqarbnu u tirċievu l-Ġisem u d-Demm imqaddes tiegħu għax irid u għandu għatx li jmantni r-ruħ tiegħek.  

    Għandna bżonn l-għajnuna għax aħna dgħajfin, aħna għandna bżonn l-għajnuna biex naħfru lill-għedewwa.

    Fis-Salm Responsorjali (S 62) illum tlabna u għarafna li aħna għandna għatx għal Alla. San Ġorġ Preca kellu talba sabiħa togħġobni ħafna jien: “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok”. Ma nistħux ngħiduha dik, aħna min aħna, aħna kemm aħna bravi. Ngħidulu lil Alla bħalma kienu jgħidulu l-qaddisin kollha. Sinjur Alla, jien għandi bżonnok. Nikber biex inkun b’saħħti, inkun persuna sabiħa li kulħadd iħares lejja, ikolli kemm ikollu flus, xorta għandi bżonnok għax mingħajrek mhux se jkolli l-paċi ġol-qalb tiegħi. Jista’ jkolli kollox imma mingħajrek, O Alla, mhux se jkolli l-paċi tal-qalb.  

    U dan huwa don ukoll li qed jagħtikom il-Mulej Ġesù bid-dilka qaddisa tal-Ispirtu tiegħu. Qed jagħtikom dak iż-żejt tal-għaqal. Mingħajr dan iż-żejt tal-għaqal, iż-żejt tad-dilka mqaddsa u d-don tal-Ispirtu s-Santu, aħna nkunu boloh għax qed nippruvaw ngħixu ta’ Nsara mingħajr ma għandna l-għajnuna li għandna bżonn. U għandna bżonn l-għajnuna għax aħna dgħajfin, aħna għandna bżonn l-għajnuna biex naħfru lill-għedewwa, għandna bżonn l-għajnuna biex ngħixu ħajja xierqa, għandna bżonn l-għajnuna biex skont il-vokazzjoni tagħna nkunu fidili lejn il-wegħdiet li għamilna. Min hu miżżewweġ mod, min hu qassis mod ieħor, min hu soru, patri mod ieħor, kulħadd għandu l-wegħdiet li għamel, u għandu bżonn l-għajnuna biex iwettaqhom. Mill-Papa ’l isfel għandna bżonn l-għajnuna ta’ Alla u l-Mulej ħerqan jgħinkom. 

    Kelma lill-parrini mhux biss ta’ ringrazzjament imma talba ħerqana biex tkomplu ssegwu lill-filjozzi tagħkom, lil dawn iż-żgħażagħ titolbu għalihom kuljum, tissapportjawhom meta jkollhom bżonn u fuq kollox tagħtuhom eżempju tajjeb.

    Kelma lill-ġenituri: nirringrazzjakom tal-paċenzja li ħadtu fit-trobbija u l-formazzjoni ta’ wliedkom sal-lum. Għad baqgħalkom x’taqdfu. Issa jibda s-sabiħ tar-ras iebsa. Ma nafx x’jiġri meta nidlikilhom moħħhom, jibbies donnu! Imma forsi diġà bdejna minn qabel, intom tifhmuni. Anke huma jifhmuni ta! Il-parir li nagħmel huwa: nieħdu paċenzja b’xulxin u b’mod speċjali intom żgħażagħ obdu lill-ġenituri tagħkom. Kunu persważi li huma l-kreaturi fid-dinja li jħobbukom l-iżjed, li jixtiqulkom l-ikbar ġid anke meta jgħidulkom ‘le’. Anke meta jgħidulkom ‘le’ ikunu qed iħobbukom.   

    U allura waqt li jiena nirringrazzja lill-parroċċa, niringrazzja lilek, arċipriet, nirringrazzja lill-katekisti ta’ dan l-isforzi kbar biex niffurmaw 110. Mhumiex għaxra, imma 110! Imma dan huwa s-sabiħ ta’ parroċċa kbira, ta’ familja Nisranija, li għandha mhux biss passat glorjuż imma anke preżent u futur. Jiena nitlob fuqkom il-barka tal-Ispirtu qaddis tal-Mulej u għandi suġġeriment għalikom, nagħlaq bih.

    Hemm tradizzjoni antika li nixtieq li nintroduċu anke fil-parroċċi tagħna bil-mod il-mod, li ż-żgħażagħ fil-Griżma jieħdu isem, iżiduh ma’ dawk tal-Magħmudija. Ma nbiddlux l-identity card biex ma tiħdux qatgħa, kollox jibqa’ kif inhu. Imma jiena għandi l-pjaċir illum, waqt li nagħtikom il-Griżma, nagħtikom l-isem tal-Papa, lis-subien ‘Francesco’ u lill-bniet ‘Francesca’. Biex hekk tiftakru li għamiltu l-Griżma meta kien il-Papa Franġisku. L-isem Francesco jew Francesca jfisser persuna ħielsa u jiena nawguralkom li jkollkom il-ħelsien li jġib Ġesù. Issa min jismu Francesco jew Francesca nagħtih isem partikolari, niftakru fil-Papa l-ieħor, Benedittu imma mbagħad skont l-isem li tagħtuni, imbagħad nirranġaw bejnietna, tajjeb?  Għax m’hemmx għalfejn ikollok double, wieħed biżżejjed.

     Charles J. Scicluna                                                          

         Arċisqof ta’ Malta