Battle of the Sexes

  • *** 

    Diretturi:         Jonathan Dayton u Valerie Faris

    Atturi:              Emma Stone, Steve Carell, Sarah Silverman, Bill Pullman, Alan Cumming, Elisabeth Shue, Austin Stowell u Eric Christian Olsen

    Ħin tal-Film:   121 min

    Maħrug minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       15

    Billie Jean King u Gladys Heldman jikkonfrontaw lil Jack Kramer meta ħabbar f’tornament tat-tennis li l-ikbar premju għan-nisa kien sejjer ikun wisq inqas minn dak għal-irġiel, u  dan għalkemm il-bejgħ tal-biljetti kien sejjer ikun imqassam ugwali. King u Heldman jheddu li jorgannizzaw tornament għalihom. Kramer ma jaccettax li jbiddel it-terminu li kien qiegħed joffri għax skont l-opinjoni tiegħu, in-nisa huma inferjuri għall-irġiel fejn tidhol il-logħba tat-tennis. King u Heldman jibqgħu sodi, b’riżultat li dawk it-tennisti nisa li daħlu fit-tornament li King u Heldman organizzaw ġew imkeċċija mill-Assoċjazzjoni tal-Lawn Tennis.

    Il-bidu biex King u Heldman jorganizzaw it-tornament ma kienx faċli għaliex ma tantx sabu appoġġ finanzjarju sakemm Heldman irrnexxielha tirbaħ garanzija minn kumpanija tas-sigaretti Virginia Slims. Sadanittant Billie Jean tibda relazzjoni ma’ Marilyn Barnett, il-parrukkiera li kienet tieħu ħsieb xagħarha. Din ir-relazzjoni poġġiet fil-periklu ż-żwieġ tagħha ma’ Larry King. Iż-żwieġ ta’ Riggs ma’ Priscilla Wheelen, sinjura kbira, ukoll kien fil-periklu minħabba li Riggs kellu l-vizzju tal-logħob għall-flus. Meta Riggs rebaħ karozza Rolls Royce f’imħatra waqt logħba tennis, Patricia, li kemm-il darba  wissietu, din id-darba iżda tefgħetu ‘l barra.

    Meta Riggs isib ruħu f’din il-qagħda, tiġih idea li jorganizza hu stess tornament tat-tennis billi jisfida tennista tal-għola livell biex tilgħab kontra tiegħu u fl-istess waqt Riggs jagħmel imħatra li għalkemm hu kellu ħamsa u ħamsin sena, kien kapaċi jegħleb kull sfida minn xi mara tennista. King ma taċċettax l-isfida iżda Margaret Court, li ftit ġimgħat qabel kienet rebħet lil King, aċċettat l-isfida. Riggs faċilment għeleb lil Court u meta Riggs rega’ sfida lil King, din aċċettat iżda b’kundizzjoni li hi jkollha l-aħħar kelma fuq l-arranġamenti finali. King tieħu din l-isfida bis-serjetà u tibda titħarreġ b’impenn serju. Min-naħa l-oħra, Riggs ma tantx ħa din l-isfida bis-serjetà. King oġġezzjonat ukoll li Kramer ikun l-announcer tal-logħba ghaliex kien wisq ippreġudikat kontra t-tennisti nisa. Kramer kellu jċedi għal pressjoni li għamlet King. X’jiġri minn hawn?

    Film Amerikan, biografija ta’ waħda mill-ikbar tennisti nisa li rat l-Amerika fis-snin sebgħin. Id-direzzjoni tal-film hi taħt Jonathan Dayton u Valerie Faris, kitba ta’ Simon Beaufoy. Minħabba t-tema tal-film fejn tidħol is-sesswalità  li King kellha tiffaċċja, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.