Suburbicon

  • Direttur:          George Clooney

    Atturi:              Matt Damon, Julianne Moore, Noah Jupe, Oscar Isaac, Glenn Fleshler, Megan Ferguson, Jack Conley, Gary Basaraba u Karimah Westbrook

    Ħin tal-Film:    105 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       18

    Fl-1959, id-distrett fejn kienu jgħixu biss nies bojod, jitheżżez meta tasal il-famija Mayers, familja Afrikana-Amerikana. Gardner Lodge, bniedem ta’ mġieba tajba, hu missier familja f’din il-belt ta’ Suburbicon. Darba, waqt il-lejl, f’daru jidħlu żewġ ħallelin li jorbtu l-familja kollha u joqtlu lil Rose, il-matrijarka tal-familja u dan iseħħ b’doża eċċessiva ta’ kloroform. Margaret li kienet  tewmija ma’ Rose, tidħol tgħix fid-dar biex tieħu ħsieb Nicky, it-tifel tal-familja. Ftit wara li daħlet, Margaret bdiet tittrasforma ruħha bħal Rose billi tiżbogħ xagħra u anke tibda relazzjoni sesswali ma’ Gardner.

    Sadanittant, hekk kif it-tensjoni bejn ir-residenti ta’ Suburbicon u l-ġirien ġodda Afrikani-Amerikani  tibda tisserja, jum wieħed jasal fil-belt, Bud Cooper, aġent tal-assigurazzjoni. Gardner ma jkunx id-dar. Cooper jibda jistaqsi lil Margaret biex tiċċara xi punti mill-assigurazzjoni fuq il-ħajja, li Gardner  kien qiegħed jitlob wara l-mewt ta’ martu Rose. Il-konverżazzjoni fil-bidu bdiet tajjeb, iżda iktar ma beda jistaqsi, Cooper jibda jkollu suspetti l-aktar meta Margaret bdiet tirreferi għaliha u għal Gardner bħala koppja. Margaret keċċietu ‘l barra.

    Sadanittant, iż-żewġ ħallelin li qatlu lil Rose irrabjaw għal Gardner għaliex Nicky daħal bla permess meta dawn kienu qeghdin l-għassa miġburin mill-pulizija biex jiġu identifikati. Kemm Gardner kif ukoll Margaret ċahdu li dawk iż-żewġ ħallelin kienu huma li daħlu u qatlu lil Rose. Dawn it-tnejn ukoll kienu irrabjati ħafna għax Gardner ma kienx ħallashom is-somma flus li kien wegħdhom. Iktar irrabjaw u bdew jitilfu l-paċenzja meta anqas ma setgħu jikkomunikaw miegħu permezz tat-telefon. Għalhekk it-tnejn ftehmu li jerġgħu lura lejn id-dar ta’ Gardner u din id-darba  joqtlu kemm lil Margaret kif ukoll lil Nicky.

    Sadanittant, ir-residenti ta’ Subirbicon jagħmlu protesta qrib id-dar tal-familja Mayers li tispiċċa f’irvell. X’jiġri meta Cooper jerġa’ lura biex jkellem lil Gardner u jurih li jaf bi frodi li hu u Margaret kienu ippjanaw?  Cooper jipprova jirrikattahom. X’tipprova tagħmel Margaret biex taħbi l-pjan li Gardner u hi kienu ippjanaw? Tgħid jirnexxielha?

    Film Amerikan, eċitanti iżda amorali, taħt id-direzzjoni ta’ George Clooney, kitba ta’ Clooney, Joel Coen, Ethan Coen u Grant Heslov. Minħabba il-perversità tal-plott, vjolenza xokkanti, kliem goff u profann, intolleranza grassa kif ukoll atti sesswali anomali, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.