Stqarrija mill-Kummissjoni Ambjent dwar Villa San Injazju f'San Ġiljan

  • Il‑Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) għal darb’oħra tħeġġeġ lill‑awtoritajiet jieħdu l‑miżuri kollha għad‑dispożizzjoni tagħhom biex ma jħallux il‑ġenn li nibnu akkost ta’ kollox ikompli jagħmina, hekk li nħarbtu saħansitra dak li jagħtina identità ta’ poplu. Għall‑kuntrarju, jeħtieġ naħdmu biex nippreservaw il‑wirt arkitettoniku mill‑ferneżija ta' twaqqiegħ ta' bini, u mill‑konverżjoni ta’ bini eżistenti f'appartamenti, li wliedna jridu jissallbu biex jikru jew jixtru, bi gwadann għall‑ispekulaturi. Din il‑ferneżija qed twassal biex titmermer il‑fibra soċjali u narmu l‑wirt prezzjuż kollu li ħallewlna missirijietna.

    Il‑KA għal darb’oħra tinnota b’dispjaċir li beda t‑twaqqiegħ ta’ binja ta’ valur: Villa San Injazju, f’San Ġiljan.

    Il‑valur ta’ din il‑villa huwa għoli ħafna. Minkejja l‑interventi li saru matul is‑snin, l‑arkitettura tagħha għadha, tista’ tgħid, dik oriġinali. Barra minn dan, Villa San Injazju hija l‑eqdem binja ta’ kalibru li qatt inbniet fl‑inħawi tal‑Balluta, saħansitra eqdem mill‑ewwel knisja tal‑lokal. Ta’ min isemmi wkoll l‑importanza li għandha mill‑aspett storiku, fost kollox minħabba r‑rabta li għandha ma’ nies li taw sehem importanti fl‑istorja ta’ pajjiżna.

    Għaldaqstant il‑KA tixtieq tingħaqad mal‑NGO Din l‑Art Ħelwa fl‑appell li qed tagħmel biex din il‑villa tiġi skedata.

    Inħeġġu lill‑awtoritajiet kompetenti sabiex jaġixxu qabel ikun tard wisq. Sakemm każijiet bħal dan jibqgħu għaddejjin u min hu responsabbli ma jieħu ebda azzjoni bil‑fatti, wieħed ikollu raġun jaħseb li fl‑industrija tal‑kostruzzjoni abbużi simili huma aċċettati (fil‑fatt għadha ma ħarġet l‑ebda kundanna minn dak is‑settur). Minbarra dan, sitwazzjonijiet simili jinkoraġixxu lil ħaddieħor jagħmel l‑istess, bil‑konsegwenza li pajjiżna jkompli jitlef mill‑wirt arkitettoniku tiegħu, bl‑iskuża li din l‑industrija qed tmexxi l‑iżvilupp ta' Malta.

    Ritratt: The Malta Independent