• Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja Parrokkjali ta’ Burmarrad

    9 ta’ Diċembru 2017

    Għadna kemm smajna l-bidu ta’ wieħed mill-erba’ Evanġelji, l-iqsar wieħed miktub minn San Mark. L-awtur ta’ dan il-ktieb qaddis, l-evanġelista, jispjega minn fejn ġejja l-kelma ‘evanġelju’ għax il-kelma ‘evanġelju’ mhijiex kelma li vvintajnieha aħna l-Insara. Il-kelma ‘evanġelju’, bil-Grieg ‘evangelion kienet tintuża meta ssir taħbira li ġej ir-re jew l-imperatur. L-imperatur kien jibgħat ħabbara fl-ibliet u jagħmel taħbira li ġej ir-re u kien ukoll jibgħat ħaddiema quddiemu biex iwittu l-mogħdija. Ma nafx jekk qatt kellkom ċans tmorru l-Art Imqaddsa —nawguralkom li tmorru— imma meta tmur fid-deżert tirrealizza li minħabba r-riħ li jkun hemm, ir-ramel dejjem jimxi, mhux la kemm issib it-triq. Taf illum taraha u l-għada ma ssibhiex. U allura min iħabbar kien ukoll ikollu miegħu min qed jipprepara t-triq.  

    “Ara jien nibgħat qablek il-ħabbar tiegħi biex iħejji triqtek” (Mk 1, 2). Mela San Mark qed juża l-istess kliem tal-miġja tar-re u jużah għall-miġja ta’ min hu ġej. U dak li kien it-taħbira li ġej ir-re sar it-taħbira, l-aħbar it-tajba tal-miġja tal-Mulej Ġesù. U dak li kienu jagħmlu l-qaddejja huma u jħejju t-triqat, sar ukoll xi ħaġa spiritwali li aħna qegħdin nagħmluha f’dan il-mument tal-istaġun tal-Avvent.  

    Il-profeta Isaija huwa l-ewwel wieħed li juża din it-tixbieha reali tat-tħabbira li ġej ir-re, għall-miġja tal-Mulej. “Leħen jgħajjat: ‘ħejju t-triq għall-Mulej fid-deżert, wittu għal Alla tagħna mogħdija fix-xagħri. Jintradam kull wied, jitniżżlu l-muntanji u l-għoljiet; kull art imħabbta titwitta, kull art imħarbta ssir maqgħad’” (Is 40, 3-4). Isaija qed jispjega x’kien isir imma qed jużaha issa għall-miġja tal-Mulej u allura jkollu tifsira spiritwali fil-ħajja tiegħi u fil-ħajja tiegħek. Hemm xi muntanja kbira, xi preċipizzju jien irrid inniżżel? Hemm xi wied ta’ qtigħ il-qalb li jiena rrid nitla’? Biex it-triq għall-Mulej inwittiha.    

    Il-Mulej fil-Milied ġej b’ħerqa kbira biex jiltaqa’ miegħi; qed jagħtini din l-aħbar tajba għax ‘evangelion’ tfisser aħbar tajba. U l-aħbar t-tajba Isaija jiġborha f’dan il-kliem: “Farrġu, farrġu lill-poplu tiegħi […] Kellmu lil-qalb Ġerusalemm” il-belt ta’ Alla, “u għidulha li ntemm il-jasar tagħha, tħallset ħżunitha” (Is 40, 1-2). U dan huwa l-Evanġelju, din hi l-aħbar tajba li aħna għandna l-ħerqa għaliha f’dan l-Avvent, f’dan il-mument ta’ stennija u ta’ miġja li aħna xi ħadd jgħidilna ‘il-Mulej iħenn għalina, il-Mulej ħallas għal dnubietek, għal ħżunitek, tibżax, farraġ lilek innifsek, il-Mulej qiegħed jgħidlek jiena ġej biex nagħtik aħbar kbira’.   

    Ġwanni ntgħażel biex jagħti din l-aħbar sabiħa qabel il-miġja ta’ Ġesù. Ismu ntgħażel minn Alla. L-anġlu Gabrijel deher lill-missieru u qallu: “Ikollok iben minn Eliżabetta u ssemmih Ġwanni” (ara Lq 1,13) u l-isem diġà jfisser l-aħbar it-tajba għax Ġwanni ismu jfisser ‘Alla ħanin’ Johanan, Alla jħenn. Din hija l-bxara t-tajba, l-aħbar it-tajba “leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert ‘ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw l-mogħdijiet tiegħu’” (Mk 1, 3).

    Nitolbu llum li f’dawn il-ġranet tal-Avvent, aħna u nibdew inżejnu għall-Milied, nieħdu ħsieb il-qalb tagħna. Fiex tinsab? Hemm xi ħaġa li hemm bżonn innaddfuha? Il-Mulej ġej u jgħidilna ‘tibżax, tħallset il-ħżunija tiegħek, inħafer id-dnub tiegħek.’ O Mulej, ejja ħa ssalvana, ejja u farraġna.

    ✠ Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja