• ***

    Diretturi:         David Gordon Green

    Atturi:              Jake Gylienhaal, Tataina Maslany, Miranda Richardson, Clancy Brown, Richard Land Jr., Clancy Brown, Frankie Shaw, Jimmy LeBlanc u Patty O’Neil

    Ħin tal-Film:    119 min

    Maħrug minn KRS Releasing  Ltd

    KLASSSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       15

    Jeff Bauman mimli b’intenzjonijiet tajba, iżda sfortunatament ma jidhirx li hu bniedem li  jmur tajjeb daqskemm kien mistenni minnu. Fuq ix-xogħol,  kienu jieħdu ħafna paċenzja bih għaliex mhux dejjem kien ikun moħħu hemm. Kien jgħix m’ommu Patty, alkoħolika,  f’apartament b’żewġ kmamar tas-sodda.

    Jum wieħed, f’ħanut tax-xorb, Jeff jiltaqa’ ma’ Erin, l-eks maħbuba tiegħu. Erin għalkemm kienet miġbuda lejh minħabba tjubjitu, iżda l-fatt li ma kienx juri tant impenn kienet tħossha frustrata għall-aħħar tant li ma baqgħatx toħroġ miegħu. Erin qaltlu li kienet sejra tieħu sehem fil-maratona ta’ Boston biex tiġbor flus għall-isptar fejn kienet taħdem. Jeff jieħu l-inizjattiva billi jikkonvinċi kull min kien fil-ħanut biex jikkontribwixxi donazzjoni għal dan il-għan. Jeff ukoll iwegħda li hu kien sejjer ikun hemm, bi plakard f’idejh, fejn kienet sejra tispiċċa t-tiġrija.

    Fil-jum tal-maratona, Jeff isib ruħu fuq quddiem nett fejn kienet sejra tispicca t-tiġrija. Hekk kif bdew jaslu l-ewwel ġerrejja, bomba qawwija tisplodi eżatt fil-post fejn kien Jeff li ħallietu b’saqajh maqtugħa mill-irkoppa ‘l isfel. Fl-isptar, meta jiġi f’tiegħu, jgħid lil ħuh li kien ra lil dak li kien poġġa l-bomba. Patty, ommu, ċċempel lil FBI u f’qasir żmien kienu maġembu biex jieħdu stqarrija. Jeff kien kapaċi jagħti deskrizzjoni ta’ Dzhokhar Tsarnaev b’riżultat li l-awtoritajiet lokali fi ftit jiem jarrestaw lil Tsarnaev. Jeff jiġi meqjus eroj.

    Sadanittant jibda jipprova jegħleb id-diffikultajiet li sab ruħu fihom. Din ma kenitx ħaġa faċli għax mhux biss sab ruħu f’qagħda li  jrid kollox minn ħaddieħor. iżda wkoll issa li sar bniedem magħruf, spiss sab ruħu mdawwar minn korrispondenti mill-mass media. Erin min-naħa tagħha reġgħet xegħlet imħabbitha lejh. X’jiġri minn hawn? Tgħid jirnexxielu Jeff jegħleb il-problemi serji li nħolqu f’ħajtu? X’parti jkollha Erin biex Jeff jirnexxielu jerġa’ jsib it-triq lejn ħajja normali?

    Film bijografiku Amerikan, ibbażat fuq  l-inċident li Jeff Bauman ġarrab waqt il-maratona ta’ Boston  u kif dan għeleb id-diffikultajiet li sab ma’ wiċċu. Il-film hu taħt id-direzzjoni ta’ David Gordon Green, kitba ta’ John Pollono. Minħabba xeni ta’ dmija, kliem goff, l-imġieba xejn eżemplari ta’ omm Jeff, kif ukoll xena ta’ sess qabel iż-żwieġ, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.