L-Evanġelju tal-jum: 1 ta' Jannar

  • Sidtna Marija Omm Alla

    San Luqa 2: 16-21

    Marru mela jgħaġġlu, u sabu lil Marija u 'l Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f'maxtura. Kif raw dan, bdew jgħarrfu b'kull ma kien intqal lilhom dwar dik it-tarbija, u kull min semagħhom baqa' mistagħġeb b'dak li qalulhom ir-rgħajja. Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f'qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha. 

    Ir-rgħajja mbagħad reġgħu lura, isebbħu u jfaħħru lil Alla għal kull ma kienu raw u semgħu, kif l-anġlu kien qalilhom. Meta wasal it-tmien jum biex lit-tifel jagħmlulu  ċ-ċirkonċiżjoni, semmewh Ġesù, bl-isem li kien tah l-anġlu qabel ma tnissel fil-ġuf.