Irid ikollna r-rieda li nilqgħu lil Ġesù f'qalbna - L-Arċisqof

Il-messaġġ tal-Arċisqof waqt 'Milied Flimkien'

  • Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Milied Flimkien, il-Belt Valletta

    23 ta' Diċembru 2017

    Għażiża President ta' Malta, Onorevoli Prim Ministru u Sinjura Muscat, Sur Speaker u Sinjura Farrugia, u anke lil Dr Delia u lil Dr Vella de Fremaux,

    L-ewwel nett nirringrazzjakom ħafna tal-istedina biex inwassal messaġġ tal-okkażjoni li jrid ikun messaġġ reliġjuż. Illejla nibdew nippreparaw għall-Milied imma b’mod speċjali fil-lejl tal-Milied fejn it-tradizzjoni sabiħa fil-knejjes tagħna hija li waħda mill-ewwel prietki jagħmilha t-tifel. Illum bagħtu lili.

    U fil-prietka tat-tifel, ħafna drabi l-abbati jew inkella llum anke ż-żgħażagħ tagħna, ikun hemm tifel u tifla, u jfakkru dak li qal l-anġlu lir-ragħajja fil-lejl tal-Milied: “Glorja ’l Alla fl-ogħla tas-smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba” (Lq 2, 14). Mela llum ningħaqdu biex nagħtu glorja lil Alla, nirringrazzjawh talli huwa Alla mħabba li jagħder, iħenn, jaħfer u tant iħobbna li bagħat lill-ibnu fostna biex ikun Alla magħna, Alla li jsalvana.

    It-tieni parti tal-messaġġ tal-anġlu kien: “Paċi fl-art lil bnedmin ta’ rieda tajba”. Il-paċi hija rigal tal-Mulej, hija effett tal-maħfra tiegħu, tal-maħfra li ngħaddu lil xulxin, wieħed lill-ieħor, waħda lill-oħra. Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna nirċievu dan id-don sabiħ, dan ir-rigal sabiħ minn Alla, rigal tal-paċi, bil-qalb tagħna, fostna, bejnietna, u li nkunu nies ta’ rieda tajba. Li nkunu nies ta’ rieda tajba jfisser li Alla jħobbna. Dik hi l-ewwel rieda tajba: ir-rieda tal-Mulej li jħares lejna, jieħu grazzja magħna u jifdina. Imma jrid kun hemm ukoll ir-rieda tajba tagħna li nilqgħuh.

    Nagħlaq b’espressjoni sabiħa li uża l-Papa Franġisku meta jumejn ilu kellem lill-kapijiet tal-Vatikan, tal-Kurja Rumana. Qalilhom: “Ejjew nippruvaw il-qalb tagħna nagħmluha dik il-maxtura li tilqa’ lil Ġesù.” U allura tajjeb li f’dawn il-jiem innaddfu ftit il-maxtura ta’ qalbna bil-qrar, nersqu lejn il-Knisja, biex waqt il-ferħ tal-Milied inkunu wkoll għamilna viżta lil din it-tarbija li twieldet, li huwa l-Mulej Ġesù. U waqt li fil-viżta qed inkellem lil Ġesù, tajjeb naraw lil Ġesù anke f’ħutna, lil dawk li qegħdin fir-residenzi, forsi jiġu minna, fid-djar tal-anzjani jew fl-isptarijiet. Ma ninsewhomx.

    Nawgura l-ewwel nett lill-kapijiet tan-Nazzjon tagħna, imma lill-Maltin u l-Għawdxin mill-qalb: Milied hieni mimli risq u barka.

    ✠ Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja