• €1,255,269 nġabru waqt il-Festa ta’ Ġenerożità organizzata mid-Dar tal-Providenza bl-appoġġ ta’ Radju RTK. It-temp tajjeb għalkemm kemmxejn kiesaħ għen biex għadd kbir ta’ nies marru s-Siġġiewi biex jagħmlu d-donazzjoni tagħhom taħt it-tinda li ttellgħet fil-parkeġġ. Bħal kull sena, għadd ta’ parroċċi f’Malta w Għawdex organizzaw ġabriet speċjali.

    Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, qal li din il-Festa ta’ Ġenerożità bħal dejjem uriet il-qalb kbira tal-poplu Malti u Għawdxi li għal darb’oħra wera solidarjetà u ġenerożità mad-Dar. Huwa qal li jħossu kommoss quddiem din is-somma rekord li nġabret u ma jistax ma jirringrazzjax lill-Maltin u l-Għawdxin kollha għall-ġenerożità kbira tagħhom. Huwa wiegħed li dawn il-flus ser jissarfu f’aktar ħidma biex ir-residenti tad-Dar ikomplu jgawdu minn servizzi individwalizzati tal-għola kwalità li jiggarantixxu rispett sħiħ lejn id-dinjità u drittijiet tagħhom.  Irringrazzja lill-awtoritajiet ċivili, reliġjużi u politiċi għall-appoġġ tagħhom kif ukoll lil numru kbir ta’ voluntiera li taw is-sehem tagħhom biex għal darba oħra din il-maratona kienet suċċess.

    L-ewwel żjara saret mill-Arċisqof Charles J. Scicluna, li ċċelebra quddiesa fil-kappella tad-Dar tal-Providenza.   Waqt il-omelija, l-Arcisqof qal li “hemm propjetatjiet ġodda li l-Knisja qegħda tafda lid-Dar tal-Providenza u li l-poplu Malti wkoll qed iħallihom lid-Dar tal-Providenza u li qed jintużaw bħala residenzi tal-persuni b’diżabilità fil-komunità.”

    Matul il-jum kien hemm żjarat mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, il-Prim Ministru Joseph Muscat, l-Arċisqof Emeritus Pawlu Cremona, il-Vigarju Ġenerali Mons. Joe Galea Curmi kif ukoll u għadd ta’ membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati, rappreżentanti tal-partiti politiċi u rappreżentanti ta’ korpi kostitwiti.

    Mid-Djocesi ta’ Ghħwdex inġabret is-somma ta’ €20,967.43. Bħala parti mill-Festa ta’ Ġenerożità, nġabret is-somma ta’ €34,300 mill-irkant ta’ xogħlijiet artistiċi mogħtija minn aktar minn mitt artisti Maltin u barranin. Ħafna kienu dawk li għamlu l-offerti tagħhom onlajn imma l-maġġoranza żaru d-Dar tal-Providenza.

    Ix-xandira televiżiva bdiet fid-9.00am b’quddiesa mill-Kappella tad-Dar u baqgħet  sejra sa wara nofsillejl meta tħabbret is-somma totali fost ferħ u briju tal-għadd kbir ta’ voluntiera li taw ħinhom għal din il-Festa ta’ Ġenerożità.

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja