• Tħabbret il-mewt ta’ Mons. Emanuel Barbara O.F.M. Cap., Isqof ta’ Malindi, il-Kenja. L-Isqof Barbara li huwa mill-Gżira miet matul il-lejl li għadda fir-residenza tiegħu f’Malindi, il-Kenja, fl-età ta’ 68 sena.

  • Bijografija

  • L-Isqof Emanuel Barbara OFMCap twieled fis-27 ta’ Ottubru 1949 fil-Gzira. Wara li ħass lil Alla jsejjaħlu biex jingħaqad mal-Aħwa Minuri Kapuċċini, huwa ġie aċċettat bħala novizz fid-19 ta’ Settembru 1965.  Fis-26 ta’ Settembru tas-sena ta’ wara huwa għamel l-ewwel Wegħdiet Reliġjużi tiegħu. Immedjatament wara huwa beda l-iѕtudji tiegħu għas-saċerdożju. Wara seba’ snin ta’ ѕtudju huwa ġie ordnat djaknu fil-5 ta’ Awwissu 1973 u saċerdot fl-20 ta’ Lulju 1974 fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

    Wara l-Ordinazzjoni Presbiterali tiegħu, Fr Emanuel kellu diversi miniѕteri differenti fi ħdan l-Ordni Kapuċċin. Mill-1974 sal-1976 serva kien viċi kappillan tal-Parroċċa tal-Madonna ta’ Lourdes, f’San Ġwann. Wara li raw l-intelligenza tiegħu, Is-Superjuri, bagħtuh jistudja l-Liċenzjat fit-Teoloġija Morali fl-Accademia Alfonsiana, f’Ruma. Mar-rittorn tiegħu f’Malta huwa beda jgħallem it-teoloġija morali fl-INSERM (National Institutum Studiorum Ecclesiasticorum Religiosorum Melitensium) għal tlettax -il sena. Huwa kien rettur tal-istess Istitut bejn l-1981 u 1983. Tlett snin qabel, mill-1978 sal-1980, il-Provinċja tal-Aħwa Kapuċċini afdatalu l-ministeru ta’ kappillan fl-isptar San Luqa. Huwa kien ukoll Superjur lokali tal-fraternità tax-Xemxija mill-1980 sal-1983 u fl-istess waqt għalliem fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex. Fl-1983 huwa ġie magħżul bħala Ministru Provinċjali tal-Aħwa Kapuċċini Maltin fejn baqa’ jservi sal-1989. Bejn l-1984 u l-1989 huwa huwa serva bħala l-ewwel kappillan Kapuċċin tal-Korp tal-Puluzija ta’ Malta.

    Fidil għall-kliem li Ġesu li qal lil San Pietru: “Aqdef ‘il barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd” (Lq 5,4) hu wieġeb għas-sejħa missjunarja li l-Mulej kien qiegħed jagħmillu. Huwa għalhekk mar fl-art tal-missjoni tal-Kenja fejn diġa kien hemm preżenti l-Aħwa Kapuċċini Maltin.

    Bejn l-1990 u l-1992 huwa kien direttur tal-formazzjoni f’Langata, il-Kenja u għalliem tat-teoloġija morali fil-Kulleġġ tat-Tanzanija, f’Nairobi. Wara li għamel 3 snin jgħallem it-teoloġija lill-istudenti, huwa intbagħat mill-ġdid Ruma biex jagħmel id-Dottorat fit-teoloġija morali fejn studja bejn l-1992 u l-1994 fl-Accademia Alfonsiana, f’Ruma. Wara li lesta b’suċċess dan l-istudju huwa irritorna l-Kenja fejn kompla jgħallem fil-Kulleġġ tat-Tanzanija f’Nairobi għal ħames snin.

    Fil-kapitlu tal-viċi Provinċja tal-Kenja tal-1996, Fr Emanuel ġie elett bħala l-ewwel viċi Provinċjal għal tlett snin. Bejn l-1999 u l-2008 huwa kien professur tal-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università Kattolika, f’Nairobi.

    Wara ir-ritorn tiegħu f’Malta, fl-2008 huwa kien direttur spiritwali fi skola sekondarja ‘San Franġisk t’Assisi’ f’tas-Sliema, għalliem għar-Reliġjużi barranin li jgħixu Malta u membru fil-fraternità tal-Kalkara. L-Aħwa Kapuċċini Maltin għal darbaoħra raw fih is-sens ta’ tmexxija u għalhekk reġa intgħażel għat-tielet darba bħala l-Ministru Provinċjali fil-kapitlu tal-2010. F’Mejju 2011 huwa ġie magħzul bħala President tal-Kapuċċini tal-Ewropa (CENOC).

    Fid-9 ta’ Lulju 2011 huwa ġie nominat bħala l-Isqof tad-Djoċesi ta’ Malindi, fil-Kenja, mill-Papa Benedittu XVI u għalhekk is-suċċessur tal-Isqof Frans Baldachinno OFMCap, l-ewwel isqof tal-iѕtess Djoċesi. L-Ordinazzjoni Episkopali tiegħu saret fl-1 ta’ Ottubru 2011 mill-Eminenza Tiegħu l-Kardinal John Njue, Arċisqof ta’ Nairboli, flimkien mal-Arċisqof ta’ Bombosa, Boniface Lele u l-Isqof Martin Kivuva, Isqof ta’ Machakos. Fil-11 ta’ Novembru 2011 huwa ċċelebra quddiesa ta’ ringrazzjament fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

    Bejn l-1 ta’ Novembru 2013 u d-9 ta’ Diċembru 2014, Mons Barbara serva bħala l-Amminiѕtratur tal-Arċidjoċesi ta’ Mombosa, fil-Kenja wara irriżejna tal-Arċisqof Boniface Lele.

    L-Isqof Emanuel Barbara OFMCap baqà jservi lealment bħala Isqof tad-Djoċesi ta’ Malindi sakemm il-Mulej sejjaħlu għal għandu nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Jannar 2018.