• ****

    Direttur:          Ridley Scott

    Atturi:              Michelle Williams, Christopher Plummer, Mark Wahlberg, Charlie Plummer, Romain Duris, Timothy Hutton, Andrew Buchan u Giuseppe Bonifati

    Ħin tal-Film:    133 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      15

    Fis-sena 1973, J. P. “Paul” Getty III, ġuvni ta’ sittax-il sena, neputi ta’ J. Paul Getty, industrijalist sinjurun taż-żejt, jinħataf ġewwa Ruma, minn kriminali mafjuzi li jitolbu, mingħand Gail Harris, omm Paul, is-somma ta’  $17-il miljun bħala rahan. Permezz ta’ flexbek, insiru nafu li l-ġenituri ta’ Paul kienu divorzjati u Gail kienet irroftat flus mingħand Getty’s Oil bħala ftehim. Riżultat ta’ dan, Gail ma kellhiex il-flus biex tħallas is-somma mitluba. Għaldaqstant, Gail tagħmel żjara ġewwa Londra lil J. Paul Getty, in-nannu tat-tifel, biex joħroġ il-flus hu. Iżda pubblikament, il-biljunarju jirrifjuta li jħallas bi skuża li jekk jagħmel hekk, ikun qiegħed jinkoraġġixxi oħrajn jagħmlu l-istess għall-membri l-oħra tal-familja.

    Min-naħa l-oħra, l-midja bdiet isegwu dan il-ħtif, u taw  tort lil Gail għaliex ma emmnux li hi ma kellhiex flus biex tħallas hi. Sadanittant, J. Paul Getty jitlob lil Fletcher Chase, li kien in-negozjatur ta’ Getty Oil u eks-aġent tas-CIA, biex jinvestiga u jara l-possibbiltà tal-ħelsien tan-neputi.  Min-naħa l-oħra, l-ġuvni Paul kien qiegħed jinżamm bħala ostaġġ f’post imwarrab ġewwa Kalabria fl-Italja.

    Għal bidu, dawk li ħatfuh, b’mod partikulari Cinquanta, kienu simpatiċi ma’ Paul. Iżda kif beda jgħaddi ż-żmien, l-affarijiet bdew jinbidlu għaliex ma stennewx li dan il-ħtif kien sejjer jieħu tant żmien biex jintemm. Bdew jinqalgħu ħafna argumenti bejniethom. Inċident serju li nqala’ spiċċa li wieħed minnhom inqatel għaliex wera wiċċu lil Paul. Ġismu spiċċa maħruq u mitfuħ fi xmara. Meta nstab, l-investigaturi ħasbu li kien il-ġisem ta’ Paul,  iżda ma kienx hekk meta ratu ommu Gail. X’jiġri minn hawn issa li kellhom ħjiel ta’ fejn kien miżmum Paul? Il-qagħda tikkomplika ruħha meta Paul ma jinstabx. X’sar minnu u għand min kien issa?

    Film drammatiku, msejjes fuq storja vera meta nħataf in-neputi tal-biljunarju J. Paul Getty. Il-film hu taħt id-direzzjoni ta’ Ridley Scott, kitba ta’ David Scarpa. Il-karattru ta’ J. Paul Getty joħroġ tajjeb ħafna u juri nuqqas serju ta’ relazzjoni interpersonali ma’ dawk kollha li kellu x’jaqsam magħhom. Dan joħroġ ċar meta Gail, l-eks-mara tat-tifel tiegħu tmur titolbu jħallas ir-rahan hu. Il-film hu studju nteressanti fuq l-imġiba umana fi stat ta’ paniku.