• Fl-okkażjoni tal-50 anniversarju minn meta s-Sorijiet tal-Karità ta’ Santa Ġovanna Antida Thouret bdew il-ħdima tagħhom fid-Dar tal-Providenza, il-Ġimgħa, 12 ta’ Jannar 2018, il-Vigarju Ġenerali, Mons. Joe Galea Curmi ċċelebra Quddiesa ta’ ringrazzjament f’din id-Dar.   

    Għal din l-okkażjoni kienet preżenti wkoll Suor Mary Stephanos, il-Provinċjal tas-Sorijiet tal-Karità għal Malta u l-Italja u ġiet tirrappreżenta s-Superjura Ġenerali Suor Nunzia De Gori.  Hi qalet li tista’ biss timmaġina kemm fil-bidu din il-missjoni  dehret diffiċli għas-sorijiet, imma fuq l-eżempju tal-Fundatriċi tagħhom, Santa Ġovanna Antida li kellha fiduċja għamja fil-Mulej, huma daħlu b’ruħhom u ġisimhom għal dan ix-xogħol, konvinti li Alla, li sejħilhom, ma kien se jabbandunahom qatt.   

    Saħqet li hija biss l-imħabba infinita tal-Mulej li tagħtihom l-kapaċità li jingħataw kompletament għall-oħrajn u jagħtu d-dinjità u r-rispett li kull persuna maħluqa xbieha t’Alla jistħoqqilha.   

    Fr Martin, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, f’isem ir-residenti huwa rringrazzja lis-sorijiet għad-dedikazzjoni tagħhom b’għotja sħiħa u disinteressata biex il-persuni b’diżabilità li jgħixu fid-Dar isibu ambjent li jirrispetta d-dinjità u d-dirittijiet tagħhom.   

  • Omelija tal-Vigarju Ġenerali Mons. Joe Galea Curmi

  • Id-Dar tal-Providenza, is-Siġġiewi
    12 ta’ Jannar 2018

    Il-Papa Franġisku f’Evangelii gaudium, 274, jgħid: “Jekk jirnexxili ngħin imqar persuna waħda tgħix aħjar, dan hu diġà biżżejjed biex jiġġustifika d-don ta’ ħajti.” Illum qed niċċelebraw il-50 sena li fihom is-Sorijiet tal-Karità dan għamluh mhux darba waħda jew ma’ persuna waħda, imma kuljum, kull ħin, mar-residenti ta’ din id-dar għażiża. Għalhekk ngħidu grazzi kbira lil Alla ta’ dan is-servizz ta’ 50 sena.

    Grazzi wkoll lilkom, għeżież Sorijiet tal-Karità – li dis-sena tagħlqu 150 sena f’Malta – talli 50 sena ilu aċċettajtu l-istedina ta’ Mons. Mikiel Azzopardi u għaraftu s-servizz fid-Dar tal-Providenza bħala mod mill-isbaħ kif tgħixu l-vokazzjoni tagħkom kif għallmitkom Santa Giovanna Antida Thouret. Grazzi speċjalment lit-42 soru li taw is-servizz tagħhom hawn tul dawn il-50 sena. Kull soru hi ġrajja għaliha, ġrajja ta’ ġenerożità, u ta’ dan nuru gratitudni kbira. Intom għamiltu esperjenza ħajja tal-kliem ta’ San Pawl fl-Ittra tiegħu lir-Rumani: “Aħna nafu Alla ma’ dawk li jħobbuh, ma’ dawk li huma msejħin skont il-providenza tiegħu, f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom.”

    Illum niċċelebraw dawn il-50 sena u, flimkien mal-apprezzament tagħna għas-snin li għaddew, inġeddu l-għażla ta’ min qed jagħti servizz f’din id-Dar. Il-Papa Franġisku, fl-istess silta tal-bidu, hekk jispjega: “Biex nistgħu naqsmu ħajjitna man-nies u ningħataw b’ġenerożità, għandna bżonn nagħrfu wkoll li kull persuna jixirqilha l-attenzjoni tagħna.  Mhux minħabba d-dehra fiżika tagħha, il-ħiliet tagħha, il-lingwaġġ tagħha, il-mentalità tagħha jew is-sodisfazzjon li tista’ toffrilna, imma għax hi opra ta’ Alla, ħlejqa tiegħu.  Hu ħalaqha xbieha tiegħu, u hi tirrifletti xi ħaġa mill-glorja tiegħu.”

    Kull persuna hi opra ta’ Alla. U hi persuna li jistħoqqilha dinjità. Dan hu fil-qalba tal-messaġġ tal-Evanġelju – kif smajna llum fis-silta skont San Mattew, “Kulma għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.”

    Għalhekk l-enfasi li l-ħajja tkun dejjem imħarsa mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha, meta hi l-iżgħar nett, meta hi dipendenti totalment fuq ħaddieħor imma hi ħajja umana, sat-tmiem naturali tagħha, meta kultant ukoll tfisser dipendenza. Jekk xi ħadd idaħħal eċċezzjoni, l-ewwel ma jbati hu proprju min hu dipendenti fuq ħaddieħor, bħar-residenti ta’ din id-Dar; imma aħna ngħożżu d-dinjità ta’ kull persuna u, fuq l-eżempju ta’ Ġesù, nagħtu attenzjoni speċjali lil min jeħtieġha. Kull persuna timmerita l-imħabba u l-attenzjoni tagħna, u iktar ma jkollha ostakli, aktar timmerita l-għajnuna biex tegħleb l-ostakli.

    Ġesù jgħallimna ngħixu dan is-servizz bil-ferħ. Hemm din in-nota fis-silta li smajna mill-Profeta Isaija, li tfisser il-ferħ ta’ ministeru ta’ faraġ, għajnuna, liberazzjoni: “Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej, taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi.” Hu l-ferħ tal-Evanġelju, il-ferħ li jittieħed u joħloq ambjent tassew sabiħ ukoll fl-iktar mumenti ta’ sfidi fil-ħajja.

    U Ġesù jgħallimna ngħixu dan is-servizz bi mħabba sħiħa. Meta ngħixu l-vokazzjoni tagħna bi mħabba qawwija, ġa nkunu qed nagħżlu l-aqwa u l-aħjar li jista’ jkollna fil-ħajja. U tkun l-isbaħ tħejjija wkoll għat-tmiem tal-mixja ta’ ħajjitna, kif jgħid San Ġwann tas-Salib: ‘Fl-għabex ta’ ħajjitna se nkunu ġġudikati fuq kemm ħabbejna.”

    Illum hi okkażjoni mhux biss ta’ ħarsa lura ta’ gratitudni, u ta’ ċelebrazzjoni tal-ħajja li qed tgħixu llum, imma wkoll ħarsa ’l quddiem b’kuraġġ. Nitolbu li Kristu jkompli jkun Hu t-tama, il-fiduċja, il-kenn, il-fortizza, il-blata tagħkom (Salm), l-għajn li minnha toħroġ kull ħidma tagħkom. Nistedinkom tkomplu tkunu ispirati minn Santa Giovanna Antida Thouret, il-qaddisa fundatriċi tagħkom ta’ karità kbira, kif tlabna fil-bidu tal-quddiesa: “Imla ‘l qalbna, Mulej, bil-ħeġġa tal-imħabba li biha kebbist il-qalb ta’ Santa Giovanna Antida, sabiex il-ħidma tagħna tkompli tħeġġeġ in-nar li ġieb fid-dinja Kristu”

    Mons. Joe Galea Curmi
    Vigarju Ġenerali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta

  • Ritratti: Dar tal-Providenza