• ****

    Direttur:          Joe Wright

    Atturi:              Gary Oldman, Kristin Scott Thomas, Lily James, Stephen Dillane, Ronald Pickup, Ben Mendelsohn, Nicholas Jones u Richard Lumsden

    Ħin tal-Film:    125 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 PG

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      12A

    F’Mejju tal-1940, Franza u l-Gran Brittanja jinsabu alleati kontra l-Ġermanja Nażista. Qabel l-invażjoni tal-Ġermaniżi ġewwa l-Belġju u n-Netherlands, il-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni fil-Parlament kien qiegħed jitlob ir-riżenja tal-Prim Ministru,  Neville Chamberlain għaliex kien wisq dgħajjef biex jipproteġi s-sigurtà nazzjonali. Chamberlain min-naħa tiegħu ppropona lill-konsulenti tal-Partit Konservattiv Edward Wood, Konti ta’ Halifax, bħala s-suċċessur tiegħu. Halifax iżda deherlu li ma kienx il-waqt li jsir Prim Ministru. Chamberlain kien kostrett li jagħżel il-bniedem li kien sejjer ikollu l-appoġġ tal-Oppożizzjoni, Winston Churchill, il-First Lord tal-Ammiraljat.

    Fl-ewwel jum bħala Prim Ministru, is-segretarja ġdida tiegħu, Elizabeth Layton tħawdet sew tant li spiċċat tibki u telqet ’l barra għaliex Churchill kien goff wisq magħha. Kellha tkun, Clementine, il-mara ta’ Churchill li ċanfritu għal imġieba tieghu u ħeġġitu biex ikun aktar ħelu man-nies. Fakkritu li bħala Prim Ministru kien hemm bżonn li jkun aktar kalm u ħelu ma’ kulħadd. Sadanittant, ir-Re George VI, kontra qalbu, kellu jsejjaħ lil Churchill biex jifforma gvern li fih kellu jinkludi lil Chamberlain u lil Halifax. Churchill min-naħa tiegħu kien korrett fuq l-ambizzjoni u l-ħsieb li kellu Adolf Hitler, żmien qabel ma faqqgħet il-gwerra.

    Sfortunatament, Churchill ma kienx igawdi fama tajba wara d-disfatta li kellu fil-Kampanja ta’ Gallipoli tant snin qabel. L-ewwel diskors tiegħu bħala Prim Ministru fejn wiegħed: “dmija, xogħol iebes, dmugħ u għaraq” xejn ma niżel tajjeb mal-Membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra. Churchill irrifjuta li jinnegozja xi forma ta’ paċi ma’ Hitler u Mussolini kontra dak li xtaqu Halifax u Chamberlain li riedu jużaw l-Ambaxxatur Taljan, Giuseppe Bastinini bħala intermedjarju. Il-Kabinett tal-Gwerra hedded li jirriżenja u ppjanaw vot ta’ fiduċja. Sadanittant, l-armata kollha Brittanika kienet tinsab maqbuda ġewwa Dunkirk u Calais. Kif sejjer joħroġ minn din il-qagħda diżastruża hekk kif kollox kien jidher mitluf?

    Film Brittaniku, biografiku, dramm taż-żmien it-tieni gwerra dinjija, il-bidu ta’ ħidma ta’ Winston Churchill bħala Prim Ministru, hu taħt id-direzzjoni ta’ Joe Wright, kitba ta’ Anthony McCarten. Film maħdum b’sengħa kbira u li joħroġ tajjeb il-karattru sod ta’ Churchill fi żmien meta l-pajjiż kien jinsab f’qagħda ta’ kollass. Minħabba xi xeni ta’ ġlied, kliem goff kif ukoll is-suġġett trattat, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.