• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja Parrokkjali San Andrija, Ħal Luqa
    5 ta’ Jannar 2018

    Għażiż Kappillan, ippermettili nindirizzalek ftit ħsibijiet, u l-poplu tiegħek, il-poplu ta’ din il-parroċċa għażiża ta’ Ħal Luqa, jifhimni meta llum, l-ewwel ma nkellem ikun lilek.

    Fl-Evanġelju li għadek kemm ħabbartilna jiġi introdott appostlu li fl-Evanġelju ta’ San Ġwann jissejjaħ Natanjel minn Kana tal-Galilija. Fl-Evanġelji l-oħra huwa msejjaħ Bartilmew. X’aktarx kien jismu Natanjel imma kien it-tifel ta’ Timew, allura kien Bartilmew. U dan huwa dixxiplu partikolari ħafna għaliex jirċievi ċertifikat uniku minn Ġesù. Meta jilmħu, Ġesù jgħid fuqu: “Hawn Iżraelita li fih ma hemm l-ebda qerq” (Ġw 1, 47). U Bartilmew, Natanjel, jirrealizza li dan il-mastrudaxxa ta’ Nazaret jaf jaqra l-qlub u għandu kelma li xxoqq il-għadam. “Rabbi, mgħallem, inti l-Iben ta’ Alla, inti s-Sultan ta’ Iżrael” (v. 49).

    U dik hija stqarrija sabiħa li l-Mulej qiegħed isejjaħlek biex twassal lill-poplu qaddis ta’ Ħal Luqa kuljum fil-ministeru tiegħek. “Rabbi inti l-Iben ta’ Alla, inti s-sultan ta’ Iżrael”. Wara kollox, l-isem li tawk ommok u missierek fil-Magħmudija għandu dejjem ifakkrek li m’hemm ħadd bħal Alla. ‘Mikael’, min hu bħal Alla? Għax l-isem Mikiel dan ifisser. U inti u tfakkarna li bħal Alla m’hemm ħadd, li fuq Alla m’hemm ħadd, li inti trid tixhed l-imħabba ta’ Alla fil-qalb tal-bnedmin, tibżax miż-żgħożija tiegħek.       

    Il-profeta Ġeremija sema’ dak il-kliem ta’ kuraġġ u fl-istess ħin ta’ twiddib: “Tgħidx għadni żgħir, inti tmur kull fejn nibagħtek” (Ġer 1, 7).  Hawn min forsi jgħid: ‘U dan għadu ġdid. M’għandux esperjenza’. L-esperjenza hija kwistjoni ta’ żmien u ta’ għaqal. Meta nerġa’ niġi mhux biss insib l-esperjenza imma tgħallimni, Kappillan. Għax jiena qed nafdalek poplu ta’ qalb kbira, poplu bi tradizzjoni kbira, poplu ta’ determinazzjoni kbira, għax biex ikollok knisja sabiħa u l-għadu jfarrakhielek u terġa’ tibniha, trid tkun poplu tassew determinat.

    Dan il-monument li ’l quddiem irid ikun isbaħ milli hu, huwa monument għall-poplu ta’ determinazzjoni kbira li, għalkemm jara l-knisja tiegħu mkissra, jerġa’ jibniha. U allura dan it-tempju jrid ikun sinjal u fl-istess ħin memorja li inti qed taqdi poplu li ħerqan li Kristu jkun f’nofsu, li l-appostlu Andrija, l-ewwel wieħed li ltaqa’ ma’ Ġesù, li introduċa lil Pietru lil Ġesù, l-appostlu huwa ġustament magħruf bħala l-ewwel imsejjaħ, is-sajjied ta’ Betsajda msemmi fl-Evanġelju li qrajtilna llum, dan l-appostlu jkollu familja li mhux biss tqimu imma wkoll tqim lil   Ġesù li jagħtih lilu nnifsu.           

    Il-Mulej qiegħed f’qalbek biex twassal il-kelma tiegħu. Fil-profezija ta’ Ġeremija hemm din il-frażi qawwija ħafna: “Il-Mulej ħareġ idu u messli fommi u qalli l-Mulej: ‘Ara, qgħedtlek kliemi fuq fommok’” (v. 9). Minn fommok, għażiż Fr Michael, għażiż Kapillan, il-poplu għandu dritt jisma’ l-kelma ta’ Ġesù. Il-kelma tal-Mulej tkun fuq l-fomm tiegħek. Illum qegħdek bħala qaddej għax is-saltna ta’ Ġesù hija saltna ta’ servizz “biex taqla’ u ġġarraf, biex teqred u tħott, biex tibni u tħawwel” (v. 10).    

    X’se taqla’ u ġġarraf?  X’se teqred u tħott? Inti se tkisser u tħott is-saltna ta’ Satana għaliex Ġesù għalhekk ġie: biex ikisser is-saltna tad-dnub, is-saltna tal-mibegħda u l-kefrija. U x’se tibni u tħawwel? Inti trid tibni komunità ta’ mħabba, inti trid tibni komunità fejn hemm il-barka ta’ Alla, inti tibni u tħawwel komunità fejn aħna nitgħallmu dejjem nirrispettaw lil xulxin anke meta ma naqblux.    

    Fil-fatt fit-Tieni Qari li smajna minn San Ġwann għandna kelma ċara li min hu ma’ Ġesù irid ikun dak li ma jagħlaqax qalbu għal ħuh li qiegħed fil-bżonn. “Jekk wieħed għandu biex jgħix fid-dinja u jara ’l ħuh fil-bżonn u jagħlaq qalbu għalih, kif tista’ l-imħabba ta’ Alla tgħammar fih?” (1 Ġw 3, 17). Imma kif nagħrfu x’inhi l-imħabba? Jgħidilna l-istess San Ġwann li “Ġesù Kristu ta ħajtu għalina, mela aħna wkoll għandna nagħtu ħajjitna għall-aħwa (v. 16). U din hija l-glorja tiegħek. Din hija t-triq tal-qdusija tiegħek: li tagħti ħajtek għal dan il-poplu.     

    “Inti tmur fejn nibagħtek jien”, mhux qed ngħidha jien, qed jgħidha l-Mulej. Hu se jkun it-tarka tiegħek, hu se jkun l-imħabba tiegħek, l-għaqal tiegħek, iż-żelu tiegħek. Hu se tkun il-kelma ta’ fommok, l-imħabba ta’ qalbek. Hu se jagħmel minnek Natanjel, rigal ta’ Alla, rigal ta’ Alla għal dan il-poplu għażiż.

    Kelma lilkom, għeżież membri ta’ din il-parroċċa għażiża. Il-Kappillan, smajtuni ngħidlu, huwa rigal ta’ Alla. L-awgurju tiegħi huwa li intom ukoll tkunu rigal sabiħ f’ħajtu u qed ngħidilkom hekk quddiem ommu u missieru. Jalla ommu, meta tgħid ‘ibni qiegħed Ħal Luqa’ naf x’qed ngħid, ikollha mhux biex iserraħ rasha imma tgħid ‘il-Mulej lil ibni ħabbu għax afdalu poplu kbir’.       

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta