• Il‑Papa Franġisku jgħid: “Il‑Knisja tibqa’ ħajja daqskemm tikber il‑qdusija ta’ Alla fil‑membri tagħha.” F’persuni bħall‑Isqof Adeodato Micallef, l‑Isqof Sylvester Carmelo Magro u l‑Isqof Emanuel Barbara, li lkoll għaddew għall-ħajja tad-dejjem f’Jannar, dehret tassew is‑sbuħija u l‑veru kobor tal‑Knisja. Huma kienu tliet ragħajja Maltin li taw ħajjithom għall‑merħla fdata lilhom.

    Dawn “il-martri mingħajr iċ‑ċarċir ta’ demm”, kif qal l-Arċisqof Charles J. Scicluna, huma ragħajja li, anke f’mumenti ta’ periklu u theddida, b’umiltà u sagrifiċċju kbir baqgħu sal‑aħħar qrib nieshom. L‑Isqof Micallef għex il‑kruha tal‑invażjoni tal‑Iraq fil‑Kuwajt, l‑Isqof Magro għex il‑gwerra ċivili fil‑Libja, u l‑Isqof Barbara fil-Kenja għex il‑faqar tal‑Afrika. Bix‑xhieda qawwija tagħhom ta’ ragħajja, dawn it‑tliet isqfjiet missjunarji Maltin kienu rigal ta’ tama għall‑komunitajiet tagħhom fl-Asja u fl-Afrika.

    Jalla l‑ispirtu missjunarju ta’ dawn it‑tliet isqfijiet reliġjużi jibqa’ jiġri f’qalb is-saċerdoti tagħna, biex minnhom il-Mulej ikompli jagħżel ragħajja skont qalbu.