• Arċipriet ġdid għall-Parroċċa tal-Furjana

  • L‑Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Dun Charles Cini bħala l‑Arċipriet tal‑Parroċċa ta’ San Publiju, il‑Furjana.

    Dun Charles Cini twieled fl‑10 ta’ Ġunju 1972. Irċieva l‑edukazzjoni tiegħu fl‑iskola primarja ta’ St Jeanne Antide, il‑Gudja, l‑edukazzjoni sekondarja fil‑Kulleġġ Santu Wistin, il‑Pietà u dik post‑sekondarja fil‑Kulleġġ De La Salle, il-Birgu. Kompla l‑istudji terzjarji fil‑Fakultà tat‑Teoloġija (Filosofija u Teoloġija) fl‑Università ta’ Malta.

    Dun Charles ġie ordnat saċerdot fit‑28 ta’ Lulju 2002. Beda l‑ħidma pastorali tiegħu fil‑Parroċċa ta’ Kristu Re, Raħal Ġdid u fl‑2003 beda jservi bħala viċi kappillan fil‑Parroċċa ta’ San Filep, Ħaż‑Żebbuġ. Bejn l‑2006 u l‑2010 serva bħala kappillan fid‑Djoċesi ta’ Savona, l‑Italja. Wara li ġie lura Malta, serva bħala viċi kappillan fil‑Parroċċa ta’ Ħal Luqa għal għaxar snin. Fl‑2017 inħatar assistent direttur ta’ Dar l‑Emigrant.

    Il‑Parroċċa tal‑Furjana tiġbor fiha madwar 2,000 persuna f’850 familja.

  • Arċipriet ġdid għall-Parroċċa ta’ Ħad-Dingli

  • L‑Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Dun Mark Mallia Pawley bħala l‑Arċipriet tal‑Parroċċa ta’ Santa Marija, Ħad‑Dingli.

    Dun Mark Mallia Pawley twieled fit‑28 ta’ Awwissu 1988. Irċieva l‑edukazzjoni tiegħu fl‑iskola primarja ta’ San Sebastjan, Ħal Qormi, u fl‑iskola sekondarja Mikiel Anton Vassalli, il‑Ħandaq, u l‑edukazzjoni post‑sekondarja fil‑Kulleġġ Ġan Franġisk Abela, l‑Imsida. Kompla l‑istudji terzjarji fil‑Fakultà tat‑Teoloġija (Filosofija u Teoloġija) fl‑Università ta’ Malta.

    Dun Mark ġie ordnat saċerdot fid‑29 ta’ Ġunju 2016. Beda l‑ħidma pastorali tiegħu fil‑Parroċċa ta’ Ħad‑Dingli bħala viċi arċipriet.

    Il‑Parroċċa ta’ Ħad‑Dingli tiġbor fiha madwar 4,000 persuna f’1,100 familja.

  • Kappillan ġdid għall-Parroċċa tal-Imsida

  • L‑Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Kan. Dun Simon Sciberras bħala l‑Kappillan tal‑Parroċċa ta’ San Ġużepp, l‑Imsida.

    Dun Simon Sciberras twieled fl‑14 ta’ Ġunju 1969. Irċieva l‑edukazzjoni primarja tiegħu fl‑iskola ta’ St Joseph, Tas‑Sliema, l‑edukazzjoni sekondarja fil‑Kulleġġ Stella Maris, il‑Gżira, u l‑edukazzjoni post‑sekondarja fil‑Kulleġġ Ġan Franġisk Abela, l‑Imsida. Kompla l‑istudji terzjarji fil‑Fakultà tat‑Teoloġija (Filosofija u Teoloġija) fl‑Università ta’ Malta.

    Dun Simon ġie ordnat saċerdot   fit‑2 ta’ Lulju 1999. Beda l‑ħidma pastorali tiegħu fil‑Parroċċa ta’ San Ġużepp, l‑Imsida, fejn serva bħala viċi kappillan għal erbatax‑il sena. Fl‑2013 inħatar rettur tal‑Knisja ta’ Kristu Rxoxt (Tal‑Erwieħ), Ħal Tarxien.

    Il‑Parroċċa tal‑Imsida tiġbor fiha madwar 8,500 persuna f’2,400 familja.