• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Balzan
    4 ta’ Frar 2018

    L-Ewwel Qari li smajna llum huwa wieħed partikolari ħafna: il-Ktieb ta’ Ġob. Huwa ktieb li jipprova jirrispondi għall-mistoqsija li, ħafna drabi, tissieħeb ma’ dubji kbar anke dwar l-eżistenza ta’ Alla u l-mistoqsija hija: għaliex l-innoċenti jbati? 

    It-tbatija tal-innoċenti, b’mod speċjali meta narawha fit-tfal, f’dawk li m’għamlu ħsara lil ħadd, tqanqal mistoqijiet kbar. Kultant ikun hemm min jitfixkel fil-mixja tal-fidi meta jiġi ffaċċjat mit-tbatija tal-innoċenti. Ir-risposta li jagħti l-ktieb ta’ Ġob hija risposta komplessa ħafna. Għaliex? Għaliex m’għandhiex dik it-tjieba profonda fuq dan il-misteru kbir li jagħtina Ġesù msallab għalina. Ħin minnhom, fi djalogu lejn l-aħħar tal-ktieb, djalogu bejn Ġob u Alla, Alla jipprova jispjega lil Ġob li hu, fiċ-ċokon tiegħu, bil-limitazzjonjiet tiegħu, ma jistax jifhem il-kompliċità tal-eżistenza umana u l-fatt li Alla kapaċi anke, minn dak li għalina huwa negattiv ħafna, joħroġ xi ħaġa tajba. 

    Is-silta magħżula llum hija mingħajr konklużjoni għaliex hija deskrizzjoni ta’ stat ta’ depressjoni qawwija. Jekk wieħed jerġa’ jaqra bil-kalma l-Ewwel Qari tal-lum jgħidilna deskrizzjoni ta’ persuna li tilfet kollox, ma baqagħlhiex skop fil-ħajja u għandha bżonn verament għajnuna kbira. “Ftakar li ħajti buffura riħ, u għajnejja ma jerġgħux jaraw ir-risq” (Ġob 7, 7).     

    Imma immedjatament wara llum donna ridna nagħtu risposta għal din is-sitwazzjoni ta’ tbatija psikoloġika, mhux biss fiżika imma l-iżjed psikoloġika ta’ Ġob. “Faħħru l-Mulej li jfejjaq il-qalb maqsuma” (S 146, 3). U b’xi mod dan is-Salm 146 jitfa’ dawl ukoll fuq il-missjoni ta’ Ġesù. Ġesù, kull fejn imur kien jipprietka, ifejjaq, u jkeċċi x-xjaten. Jekk aħna ninnutaw ftit l-Evanġelju li għadna kemm smajna mill-Ewwel Kapitlu ta’ San Mark, nindunaw li dawn it-tliet elementi jissieħbu fil-ħajja konkreta ta’ kuljum tal-Mulej. 

    L-ewwel fejqan li għamel llum huwa ma’ persuna partikolari ħafna. Kif tafu, meta kien għaddej mal-baħar, lake għax huwa lake tal-ilma ħelu, ta’ Tiberijade imma enormi tant li jgħidulu l-Baħar tal-Galilija, meta kien qed jgħaddi max-xatt qrib Kafarnahum, jara żewġt aħwa wlied Żebedew, u jsejħilhom biex jimxu warajh, jiltaqa’ ma’ Xmun u ma’ ħuh Indrì u jagħmel l-istess (Mk 1, 17-18).  

    Illum insiru nafu li dan l-imbierek Xmun kien miżżewweġ u la kien miżżewwġ kellu l-kunjata. Ilbieraħ iddeskrivejt il-psikoloġija tal-kunjata, tar-raġel tat-tifla li jgħidilha, ‘jiena tlaqt kollox biex nimxi wara mastrudaxxa’. X’ma qalitx, x’ma qaltlux! U ma nafx jekk hux bid-dagħdigħa li qabadha dan id-deni li tefagħha fis-sodda. Nafu li wara li Ġesù fejjaq ħafna nies fis-sinagoga, jgħidulu biha u Ġesù ma jagħmilx djalogu ma’ din il-kunjata, jidħol u jfejjaqha.   

    U hemm dettall ċkejken jiena jogħġobni ħafna, wieħed mid-dettalji l-iżjed għal qalbi fl-Evanġelju. “Id-deni ħallieha u bdiet isservihom” (v. 31). Din il-mara ma tfejqitx biss mid-deni fiżiku imma fil-qalb tagħha l-laqgħa ma’ Ġesù għamlet xi ħaġa sabiħa. Kienet trasformazzjoni. Minn forsi persuna li ma setgħetx tifhem kif mastrudaxxa minn Nazaret jista’ jħajjar lil Xmun, bniedem impulsiv, sajjied espert, iħalli kollox u jimxi warajh, irrealizzat li fl-għażla ta’ Xmun kien hemm għaqal kbir.   

    U hi wkoll bdiet taqdi lill-Mulej bil-mod tagħha. Inħobb nimmaġina l-ikla li għamlitilhom ta’ mara mfejqa imma mhux imfejqa biss fiżikament, imfejqa wkoll fir-rabta tagħha ma’ Ġesù li hija rabta ġdida, rabta mġedda, u lil Xmun issa tgħidlu kif qalu n-nies tas-Samarija lis-samaritana: “Issa mhux għax għidtilna inti, imma għax rajna b’għajnejna” (ara Ġw 4, 42). U lil Xmun tgħidlu, ‘Xmun, dejjem ħadtek naqra hekk jien, imma mhux għax qed tgħidli inti issa fuq dan, għax rajt jien’. L-id li jnewwel Ġesù hija id ta’ fejqan u ta’ trasformazzjoni.  

    U dan huwa l-fejqan li jġib Ġesù. Ġesù jġib fejqan l-ewwel nett radikali, spiritwali. Tiftakru li ħafna drabi l-ewwel lill-persuna, qabel ifejjaqha fiżikament, jgħidilha: “dnubietek maħfura”. Iwassal l-ewwel il-fejqan profond, spiritwali, imbagħad bħala sinjal u konferma jagħti wkoll il-fejqan fiżiku. U hekk għamel ukoll man-nies kollha li ġew ħdejn id-dar ta’ Xmun u ta’ Indrì “bi ħġarhom” (Mk 1, 33) u ħadulu quddiemu lil dawk kollha li kienu morda jew li kienu maħkuma mix-xitan.   

    Hekk għamilna wkoll aħna l-Maltin ukoll meta Pawlu fejjaq lil missier Publiju. Luqa stess jgħidilna “ġabulu l-morda kollha” (Atti 28, 9). Dan il-fejqan li jsir fejqan kontaġġjuż: li jfejjaq lil ħafna nies. Il-fejqan tal-Mulej jidħol f’ħafna familji, il-liberazzjoni mix-xitan li tidħol f’tant ambjenti u li għad għandna bżonnha sallum.    

    Il-Mulej jgħallimna xi ħaġa profonda wkoll li nixtieq nagħlaq biha. Hu kien l-Iben ta’ Alla, din hi l-fidi tagħna. L-għaqda tiegħu ma’ Alla mhux bħal tagħna, kienet element konstituttiv, importanti għall-eżistenza tiegħu. Imma: “L-għada fil-għodu kmieni, qabel ma żernaq, qam, ħareġ, mar f’post imwarrab u qagħad hemm jitlob” (Mk 1, 35). Dan il-mod ta’ Ġesù li jibda l-ġurnata tiegħu maqgħud mal-Missier fit-talb.  

    Meta aħna nitkellmu fuq it-talb mhijiex kwistjoni ta’ formoli, imma hija din l-intimità mal-Mulej. Jekk Ġesù kellu bżonn ta’ dan l-ispazju, ta’ dan il-ħin biex jitlob, kemm għandna bżonn aħna, ibda minni, kull wieħed u waħda minna, ta’ bżonn radikali li nkunu ma’ Alla, li nagħtu ftit ħin lilna nfusna mhux bilfors fit-tul, imma ftit ħin ta’ silenzju kuljum fejn jiena ninġabar imqar quddiem Kurċifiss jew ikona għażiża għalija, niffoka ftit fil-preżenza tiegħu. Il-qaddisin il-kbar kellhom dan l-eżerċizzju: li jidħlu fil-preżenza ta’Alla. Għax aħna nistgħu ngħixu ħajjitna distratti, qisu Alla ma jeżistix, qisna m’għandniex bżonn lil Alla. San Ġorġ Preca kien jgħid: ‘Għal ħafna nies Alla qisu żero kbir. Għal ħafna nies Alla qisu żero kbir, ma jeżistix!’

    Ġesù bl-eżempju tiegħu jgħallimna l-bżonn radikali tal-umanità tagħna, il-bżonn radikali ta’ Alla. U allura t-talb sabiħ anke tal-istess qaddis Malti “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok, Sinjur Alla jiena għandi bżonnok!’. 

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta 

  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Ġob 7, 1-4.6-7
    Salm 146 (147), 1-2.3-4.5-6
    Qari II: 1 Kor 9. 16-19.22-23
    Evanġelju: Mk 1, 29-39
  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja – Ian Noel Pace