Dan ir-Randan irid jibda mill-qalb - L-Arċisqof


  • L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
    14 ta’ Frar 2018

    First of all a warm welcome to our English speaking friends. A blessed Lent to you all.

    Fil-bidu ta’ dan l-istaġun solenni, il-Kelma ta’ Alla għandha urġenza partikolari. “Araw, issa hu ż-żmien tajjeb, araw, issa hu jum is-salvazzjoni” (2 Kor 6, 2). L-ewwel sentiment fil-qalb tagħna llum huwa sentiment ta’ gratitudni. Lill-Mulej ngħidulu ‘grazzi’ talli qed jagħtina żmien tajjeb, qed jagħtina jum ta’ salvazzjoni biex il-ħajja tagħna tkun ħajja aħjar.

    Il-Mulej, fil-liturġija tal-lum, jitkellem diversi drabi dwar il-qalb tal-bniedem. U aħna u nsellmu l-Kelma ta’ Ġesu fl-akklamazzjoni qabel l-Evanġelju, smajna l-eżortazzjoni ta’ Salm 94: “Illum la twebbsux qalbkom, iżda isimgħu leħen il-Mulej” (S 94, 8). Dan huwa l-istaġun fejn il-qalb tagħna tinħall mill-ebusija tagħha, mill-isklerożi tagħha, biex tiftaħ lilha nnifisha għall-kelma ta’ Alla u għall-imħabba tiegħu li hija ħniena, li ssaffi u li tittrasforma.

    “Oħloq fija qalb safja, o Alla u spirtu qawwi ġedded fija” (S 50, 12).  Il-kliem ta’ Salm 50, tal-Miserere, jitkellem dwar din il-qalb li l-Mulej isaffi u jippurifika, din il-qalb li, għalkemm ibbieset bl-egoiżmu u bl-irwiefen tal-passjonijiet, tinsab quddiem il-Mulej bħala qalb niedma, qalb lesta għall-konverżjoni.

    “Ċarrtu qalbkom mhux ilbieskom” (Ġoel 2, 12). Anke t-tema tal-Ewwel Qari terġa’ tirritorna għaliex din il-mixja li bdejna, il-mixja tar-Randan, hija xi ħaġa li trid tbiddel il-qalb tagħna. Mhijiex kwistjoni biss ta’ osservanza esterna jew esterjuri imma l-ħniena tal-Mulej nilqgħuha daqskemm il-qalb tagħna tiċċarrat beraħ għall-Mulej li jrid isalvaha.

    Għalhekk, il-kamra ta’ ġewwa li fiha aħna nsumu, li fiha aħna nitolbu, u li fiha nagħmlu karità, hija l-ewwel nett il-qalb tagħna għaliex il-karità li nagħmlu, it-talb li nitolbu, u s-sawm li nsumu, iridu jibdew mill-qalb. Mhijiex kwistjoni li jkollna xhieda minn barra, biżżejjed għalina x-xhud li hu fil-moħbi u jara dak li hu moħbi. Il-Mulej li jara fil-moħbi jroddilna hu. Għalhekk f’dan l-istaġun tar-Randan nitolbu lill-Mulej biex il-qalb tagħna ssir tixbah lil tiegħu.

    The readings today talk about the hearts. There is a constant prayer that during the season of Lent our hearts turn to the Lord, that they are freed from their hardness which is an expression of our egoism, our passions and our sins.

    The Lord wants to purify our hearts. We are invited to give our hearts to our Lord so that he may purify them, may cleanse them, and then he may soften them. We ask forgiveness for our hardness of hearts, what the Lord calls the 'sclero cardia', the hardness of hearts. There is a sclerosis of the heart and Lent is all about freeing the heart of that hardness.

    May the Lord, during Lent, warm our hearts with his love and his mercy. May we arrive at Easter with purified hearts, with our heart ready to embrace the crucified and risen Lord.

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta 


  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Ġoel 2, 12-18
    Salm: 50 (51), 3-4.5-6a.12-13.14 u 17
    Qari II: 2 Kor 5, 20 – 6, 2
    Evanġelju: Mt 6, 1-6.16-18

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja - Ian Noel Pace