• Omelija tal-Vigarju Ġenerali Mons. Joe Galea Curmi

  • Knisja Parrokkjali, il-Qrendi
    16 ta’ Frar 2018

    Hi okkażjoni tassew ta’ ferħ li l-Parroċċa tal-Qrendi qed tiċċelebra l-400 sena mit-twaqqif tagħha u l-Parroċċa taż-Żurrieq 400 sena matriċi.

    Illum ngħidu grazzi lil Alla għal dawk kollha li ħadmu tul is-snin biex hawnhekk, il-Qrendi, tinbena u tissaħħaħ il-komunità Nisranija. Nuru gratitudni lejn tant nies fl-istorja sabiħa ta’ din il-parroċċa. Nitolbuh ukoll maħfra, kif għedna fis-Salm 51, biex il-Mulej inaddafna minn ħtijietna.

    Il-pellegrinaġġ penitenzjali li għadna kemm għamilna miż-Żurrieq għall-Qrendi, flimkien ma’ Ġesù Redentur, juri x-xewqa tagħna li aħna, bħala komunità, nimxu ma’ Ġesù ħajjitna kollha. Li lejh inħarsu, li lilu nqimu, li minnu nieħdu d-direzzjoni f’ħajjitna, li nagħrfu li hu qiegħed fostna u, kif smajna fl-Evanġelju skont San Mattew, bih magħna qatt ma nsewdu qalbna imma nistgħu ngħixu fil-ferħ u l-paċi.

    Illum ma nħarsux biss lura imma wkoll lejn il-ġejjieni. Nixtieq insemmi żewġ punti importanti dwar kif il-parroċċa tista’ tkun tassew dik il-komunità li timxi ma’ Ġesù u li twasslu lill-oħrajn fid-dinja tal-lum – komunità skont il-qalb ta’ Alla.

    Li nkunu komunità magħquda

    Ġesù fl-Aħħar Ċena għamel talba speċjali għad-dixxipli tiegħu u talabha b’insistenza: “Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda”. Din hi r-rieda tiegħu għall-parroċċa, u din li għandna ngħixu u niċċelebraw kull meta nidħlu hawn ġew biex nitolbu, speċjalment meta ninġabru għall-Ewkaristija. Inkunu ħaġa waħda meta fi kliemna u f’għemilna nibnu ambjent fejn kulħadd iħossu tassew milqugħ. Li qatt ma ngħidu kliem li joffendi, li jinsulta, li jġib kwistjonijiet u ġlied, kif smajna fil-qari mill-Profeta Isaija meta l-Mulej jilmenta fuq min waqt li jsum u jagħmel drawwiet reliġjużi, jehda fi kwistjonijiet u konflitti.

    Fil-bidu tal-Knisja, Marija kienet hemm mal-ewwel komunità, tgħaqqad flimkien lid-dixxipli ta’ Ġesù. Dejjem kienet dik li tgħaqqad, qatt ma kienet b’xi mod mezz ta’ diviżjoni. Hekk tkompli tkun fil-ħajja tal-Knisja. Ħa naħdmu biex fil-parroċċa tal-Qrendi nħarsu lejn xulxin b’sens ta’ għaqda. Speċjalment dawk li jiġu hawn f’dan il-post, isibu nies li jilqgħuhom b’ħafna mħabba u bil-ferħ.

    Li nkunu komunità b’qalb kbira li tieqaf ma’ dawk fil-bżonn
    Li nkunu qrib tal-oħrajn. Nitgħallmu nisimgħu, insostnu, nappoġġjaw, ngħinu lill-persuni, u l-aktar lil dawk li huma fil-bżonn. Il-Profeta Isaija jitkellem fuq l-opri tal-ħniena: li taqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ, li tilqa’ f’darek lill-imsejken bla saqaf. Ġesù wriena dan b’mod ċar meta qalilna li dak kollu li nagħmlu mal-iżgħar, inkunu qed nagħmluh miegħu.

    Ħa naħdmu biex fil-parroċċa tal-Qrendi jkollna dejjem din il-qalb kbira, li tgħinna nieqfu ndewwu l-ġrieħi fejn hemm it-tbatija, li nisimgħu l-għajta ta’ min qed ibati, kif ukoll il-karba ta’ min għaddej minn sofferenza waħdu u lanqas kapaċi jgħajjat għall-għajnuna.

    Kemm hu sabiħ meta aħna ngħinu lin-nies b’kull ħidma biex inkunu komunità magħquda, b’qalb kbira li tieqaf ma’ min hu fil-bżonn. Nitolbu għall-kappillan, is-saċerdoti u l-kollaboraturi kollha f’din il-komunità u għall-parruċċani kollha biex jimtlew b’dan l-ispirtu u l-parroċċa tal-Qrendi tkun tassew parroċċa skont il-qalb ta’ Alla.

    Mons. Joe Galea Curmi

    Vigarju Ġenerali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja