• Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Il-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana
    22 ta’ Diċembru 2017

    Għeżież, l-ewwel nett nixtieq nirringrazzjakom tal-preżenza tagħkom u tal-fatt li b’mod ġentili ħafna li napprezza, aċċettajtu l-istedina tiegħi li niltaqgħu flimkien u nawguraw lil xulxin. Nispera li ħadt b’idejn kulħadd, forsi anke darba, darbtejn, għax f’ġimagħtejn inħawwad jekk sellimtx lil kulħadd. Lil min ma sellimtlux, niskuża ruħi min issa.

    Imma nixtieq inwassal it-tislija personali, individwali, lil kull wieħed u waħda minnkom waqt li nirringrazzjakom ħafna tal-kontribut li qegħdin tagħmlu għad-Djoċesi; kulħadd fir-rwol tiegħu, skont ir-responsabbiltà tiegħu, skont is-sejħa tiegħu.

    Jiena naħseb li din is-sena l-Mulej qed jistedinna biex infittxuh qalb il-geġwiġija tal-Milied. Għax għandna diversi modi kif niċċelebraw il-Milied. U aħna jrid ikollna ċ-ċans nieqfu, b’mod speċjali f’mumenti ta’ silenzju, biex niltaqgħu mal-protagonista vera tal-Milied li għandu għatx kbir li jiġi; meta jħabbat il-bieb, għax jirrispetta l-liberta tagħna, u jekk niftħulu biex jiġi bħala l-Prinċep tal-Paċi. Il-profezija ta’ Isaija li aħna nerġgħu naqraw fil-lejl tal-Milied: “Tweldilna tifel, ingħatalna iben, […] Alla setgħan, […] prinċep tas-sliem” (Is 9, 5). Jalla l-Mulej din is-sena fil-kaos tagħna, fil-luttu tagħna, kultant fid-diffikultajiet li jkollna, jiġi bħala l-Prinċep tas-Sliem, il-prinċep li għandu għatx jagħtina l-ikbar rigal: il-paċi tiegħu.

    L-aħħar ħsieb huwa li tajjeb nisimgħu l-aħbar li l-anġli jagħtu lir-ragħajja. Ir-ragħajja kienu kategorija ta’ nies imwarrba, kellhom fama ma tantx tajba imma l-anġli jihdru lilhom għaliex il-messaġġ tal-Milied mhux biss għal kulħadd imma għal dawk li l-iżjed għandhom bżonn faraġ u mogħdrija. U aħna ma’ din il-kategorija naqgħu.

    Lir-ragħajja l-anġlu qalilhom: “inħabbrilkom ferħ kbir […] Illum fil-belt ta’ David tweldilkom Salvatur”. U s-sinjal x’inhu? “Tifel imgeżwer u mqiegħed f’maxtura” (ara Lq 2, 10-12). Din il-preżenza vulnerabbli li għandha bżonn l-għajnuna ta’ kulħadd biex tgħix, li hija proposta ħajja imma wkoll ta’ dgħufija u ta’ umiltà li ma tkeċċinix u ma toħdilniex il-libertà, imma tikkonfermalna l-possibbiltà li nagħżlu t-tajjeb, li nagħżlu s-sabiħ, li nagħżlu dak li huwa ġust u veru.

    Għalina l-Insara dawn il-kategoriji mhumiex astratti imma jsiru laħam, anzi aħna ngħiduha għadam u laħam, f’persuna: Ġesù l-Għimmanu-El. Għax il-Kelma ta’ Alla saret bniedem u għammret fostna, Verbum Dei caro factum est et habitabit in nobis. B’dawn is-sentimenti nawgura lil kulħadd: Milied feliċi fil-Mulej.

    Suġġeriment tal-aħħar: tkun ħaġa sabiħa li aħna niltaqgħu mal-familja ta’ Ġesù fil-knejjes tagħna għal żmien il-Milied. Għaliex meta d-dixxipli staqsewh: “Mgħallem, inti fejn toqgħod?”. Qalilhom: “ejjew u araw” (ara Ġw 1, 38-39). Jiena nawguralkom li tiġu l-knisja, taraw, tisimgħu, mhux omeliji twal, imma almenu li Ġesù jħabbat fuq il-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna biex jgħidilna: ‘Jiena ġej bħala l-prinċep tal-paċi. Għandek post għalija fil-qalb tiegħek?’.  Nawguralkom mill-qalb Milied ħieni u sena ġdida mimlija risq u barka. Grazzi.

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta