• Direttur:          James Marsh

    Atturi:              Colin Firth, Rachel Weisz, David Thewlis, Ken Stott, Jonathan Bailey, Adrian Schiller, Oliver Maltman, Mark Gatiss u Simon McBurney

    Ħin tal-Film:    101 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       12

    Is-sena 1968 tlaqqagħna ma’ Donald Crowhurst, negozjant, kważi fallut u dilettant tal-baħar. Crowhurst jagħmel ħiltu biex isib il-bejgħ ta’ proġett li kellu x’jaqsam man-navigazzjoni u li kien ivvintah hu stess.

    Sadanittant,  is-Sunday Times ta’ Londra nediet tiġrija bil-jottijiet madwar id-dinja bi premju ta’ somma kbira ta’ flus. It-tiġrija kienet miftuħa għal kulħadd u ma kien hemm l-ebda kundizzjoni għal min ried jidħol għaliha.  Crowhurst jiddeċiedi li jieħu sehem u għalhekk kellu jibni jott bil-flus li hu jissellef biex ikun jista’ jara l-ħolma tiegħu jseħħ.

    Clare, il-mara tiegħu, xejn ma tieħu pjaċir b’dan. Kienet imħassba ħafna li Donald ma jirnexxilux itemm it-tellieqa, bil-periklu wkoll li tispiċċa armla. Wara ftit ġimgħat fuq il-baħar, jidher biċ-ċar li l-jott bl-isem ta’ Teignmouth Electron li kien bena hu stess u li ma kienx komplut għal kollox, ma kienx sejjer iwassal fit-tul. Iżda Crowhurst ma riedx li jaqa’ għaċ-ċajt ma’ sħabu u jerġa’ lura, barra wkoll li dan kien ifisser rovina finanzjarja għalih. Crowhurst iġib quddiem għajnejh id-diżappunt li kien sejjer ikollhom uliedu jekk huwa jerġa’ lura. Biex ma jseħħx dan, hu jibda jibgħat koordinati iffalsifikati. Dak iż-żmien ma kienx għadu jeżisti apparat soffistikat bħal GPS li kienu jagħmlu ħaġa bħal din mill-ewwel ovvja.

    Minn tagħrif li jibda jibgħat,  joħloq illużjoni li kien qiegħed jagħmel progress  kbir ħafna waqt li hu fil-fatt kien qiegħed jibqa’ lura qisu tifel żgħir waqt tellieqa, li jibqa’ lura mistoħbi wara xi siġra biex imbagħad jingħaqad ma’ sħabu fl-aħħar. Iżda anke l-ħsieb li kien jista’ jinkixef dan il-pjan tiegħu, bil-possibiltà li allura jkun ta’ għajb kbir għalih kif ukoll li xi tempesta qalila tista’ tqum minn ħin għal ieħor, idaħħal lil Crowhurst fi kriżi mentali serja. X’jiġri fl-aħħar u xi jsir minnu?

    Film Brittaniku, dramm biografiku taht id-direzzjoni ta’ James Marsh u kitba ta’ Scott Z. Burns. Imsejjes fuq storja vera li ġrat fl-1968 meta Donald Crowhurst, baħri dilettant, jittanta jieħu sehem fis-Sunday Times Golden Globe Race, b’riżultat diżastruż. Minħabba xena ta’ tempesta qalila kif ukoll id-diżonestà li wera Crowhurst, il-film tajjeb li jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.