'Ngħożżu dak li huwa sabiħ u tajjeb' - Ittra Pastorali għar-Randan 2018

  • Messaġġ qasir mill-Arċisqof għar-Randan

  • 

  • L-Ittra Pastorali mill-Isqfijiet

  • Ta’ kull sena, fit‑Tieni Ħadd tar‑Randan, il‑Knisja tlaqqagħna mal‑esperjenza ta’ Ġesù u tliet dixxipli magħżula minnu, fuq muntanja għolja. Din insejħulha l‑esperjenza tat‑Trasfigurazzjoni.

    L‑Evanġelju ta’ San Mark jgħidilna li “Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, tellagħhom weħidhom fuq muntanja għolja, u tbiddel quddiemhom. Ilbiesu sar abjad u jgħammex b’dija tal‑għaġeb”. San Mark jagħmel osservazzjoni: “Ebda ħassiel fid‑dinja ma jista’ jġib il‑ħwejjeġ bojod daqshekk”. U jkompli: “U dehrilhom Elija ma’ Mosè, jitkellmu ma’ Ġesù” (Mk 9, 2‑3).

    Fit‑talb tal‑Knisja, l‑esperjenza tat‑Trasfigurazzjoni hija esperjenza li mill‑qalb tad‑dixxipli tegħleb il‑biża’ u l‑iskandlu tas‑salib. Fl‑esperjenza ta’ talb fuq il‑muntanja, Ġesù jidher fis‑sbuħija kollha tiegħu, fis‑sebħ tiegħu bħala l‑Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Fuq l‑għolja tat‑Tabor, Ġesù jsir ir‑Ragħaj it‑Tajjeb li jiġbed lill‑ġnus lejh minħabba s‑sbuħija intima tiegħu. Il‑Bxara t‑Tajba li aħna lqajna hi aħbar sabiħa li fil‑qalb tagħna tpoġġi fl‑ewwel post lill‑Mulej li huwa Sid il‑ħajja u li jixtiqilna l‑aqwa ġid.

    Din is‑sena aħna l‑Isqfijiet qegħdin nistiednu lilkom, membri tal‑poplu ta’ Alla f’dawn il‑gżejjer, biex fid‑dawl tat‑Trasfigurazzjoni ta’ Ġesù, nixtarru s‑sejħa li għandna biex ngħixu ħajja tajba u sabiħa. Hu f’dan id‑dawl li aħna nħarsu wkoll lejn din is‑sena meta l‑Belt Valletta hija Belt Kapitali Ewropea tal‑Kultura. Hi sejħa għalina biex ngħożżu s‑sabiħ u t‑tajjeb.


    Is‑sbuħija straordinarja ta’ Ġesù

    L‑esperjenza tad‑dixxipli quddiem is‑sbuħija straordinarja tas‑sebħ ta’ Ġesù ġabitilhom nostalġija kbira għal dak kollu li hu tajjeb u sabiħ. Tant hu hekk li Pietru qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija” (Mk 9, 5). Ix‑xewqa ta’ Pietru kienet li jibqgħu hemmhekk f’għarajjex magħmula għal Ġesù u għall‑profeti Mosè u Elija, li dehru miegħu, biex huma jkunu jistgħu jgawdu dik l‑esperjenza li m’għandha tispiċċa qatt.

    L‑Evanġelista San Mark jgħid: “Dan qalu għax ma kienx jaf x’jaqbad jgħid bil‑biża’ kbir li waqa’ fuqhom” (Mk 9, 6). Il‑biża’ ta’ Pietru u ta’ Ġakbu u ta’ Ġwanni huwa l‑biża’ ta’ min jirrealizza li qiegħed fil‑preżenza tal‑Mulej. Imma l‑kelma ta’ Ġesù tagħmlilhom kuraġġ; il‑kelma ta’ Ġesù tħeġġiġhom biex ma jibżgħux, anzi biex jersqu lejh u jitqawwew fil‑persważjoni u d‑determinazzjoni tagħhom li jkunu dixxipli tiegħu.


    Is‑sejħa biex inkunu wlied id‑dawl

    Fit‑Trasfigurazzjoni Ġesù juri lilu nnifsu bħala “Dawl minn Dawl”. L‑Appostlu Missierna San Pawl jistedinna biex aħna nimxu ta’ wlied id‑dawl. Jekk Ġesù huwa dawl bħala Iben, aħna wkoll irridu nkunu dawl bħala wlied. “Tħallu lil ħadd iqarraq bikom bi kliem fieragħ” (Ef  5, 6), jgħidilna San Pawl fl‑Ittra tiegħu lill‑Efesin. “Intom kontu darba dlam, imma issa intom dawl fil‑Mulej; għixu ta’ wlied id‑dawl li intom; frott id‑dawl jinsab f’kulma hu tjieba, f’kulma hu ġustizzja, f’kulma hu verità. Fittxu li tagħrfu dak li jogħġob lill‑Mulej u tisseħbux fl‑għemejjel tad‑dlam bla frott, imma ikxfuhom fil‑beraħ” (Ef 5, 8‑11).  

    Aħna u nixtarru dan il‑kliem ta’ San Pawl, faċli nirrealizzaw li s‑sejħa li ngħixu l‑aħbar it‑tajba bħala aħbar sabiħa hija sejħa biex, bħala wlied id‑dawl, il‑kultura tagħna tkun kultura msejsa fuq l‑għażliet it‑tajba, f’dak kollu li jġibilna ġieħ bħala wlied adottivi ta’ Alla. “Tnikktux l‑Ispirtu s‑Santu ta’ Alla, li fih intom issiġillati għall‑jum il‑fidwa. Mrar, saħna, korla, tagħjir, għajat, dan kollu warrbuh minnkom, u wkoll kull ħażen ieħor. Kunu twajba ma’ xulxin, ħennu għal xulxin, aħfru lil xulxin, bħalma Alla ħafer lilkom fi Kristu. Kunu, mela, tixbhu lil Alla, bħala wlied maħbuba, u imxu fl‑imħabba, bħalma Kristu wkoll ħabb lilna u ta lilu nnifsu għalina” (Ef 4, 30‑32; 5, 1‑2). Dawn il‑kelmiet mill‑istess Ittra lill‑Efesin, San Pawl jgħidhomlna biex jagħmlilna kuraġġ. Aħna u nfittxu u nixxenqu għal dak kollu li hu sabiħ, tajjeb u veru fil‑ħajja tagħna, aħna qegħdin infittxu li nkunu wlied id‑dawl.

    Fl‑Għid li ġej, b’mod speċjali fil‑liturġija sabiħa tal‑velja qaddisa ta’ Sibt il‑Għid, aħna se jkollna d‑dawl ta’ Kristu f’idejna meħud minn xemgħa waħda, mill‑blandun, u dakinhar dik ix‑xemgħa mixgħula tfakkarna f’din is‑sejħa li aħna nkunu wlied id‑dawl. Il‑fjamma tagħna hija ċkejkna, imma tista’ tagħti faraġ u serħan f’kull ambjent fejn hemm id‑dlam, fejn hemm it‑taqtigħ il‑qalb, fejn hemm is‑swied il‑qalb. Aħna u nimmeditaw is‑sbuħija ta’ Ġesù fuq il‑Muntanja Tabor, il‑messaġġ tagħna jrid ikun messaġġ li jimla lil kull wieħed u waħda minna b’kuraġġ kbir, b’tama ġdida. Dan hu li jagħmilna dixxipli tal‑Mulej. Il‑Papa Franġisku jistqarr: “Li nkunu dixxipli jfisser li jkollna dispożizzjoni permanenti biex inwasslu l‑imħabba ta’ Ġesù lill‑oħrajn, u dan iseħħ b’mod spontanju kullimkien, fit‑triq, fil‑pjazza, fuq ix‑xogħol, tul il‑vjaġġ” (Il‑Ferħ tal‑Evanġelju, par. 127).

    Aħna u niċċelebraw il‑kultura Mediterranja tagħna fil‑qafas tal‑kultura Ewropea, aħna nifirħu wkoll bis‑sejħa li kellna sa mill‑bidu nett tax‑xandir tal‑Evanġelju li nkunu wlied id‑dawl, li nkunu msaħħrin bis‑sbuħija ta’ Ġesù, ir‑Ragħaj it‑Tajjeb, li fil‑Ġimgħa l‑Kbira jagħti ħajtu għalina u fl‑Għid il‑Kbir jirxoxta għalina.  


    L‑istedina biex nisimgħu u ngħixu l‑Kelma ta’ Alla

    “Imbagħad ġiet sħaba u għattiethom, u minn ġos‑sħaba nstama’ leħen jgħid: ‘Dan hu Ibni l‑għażiż, isimgħu lilu’. Minnufih taw ħarsa madwarhom, u ma raw lil ħadd iżjed magħhom ħlief lil Ġesù waħdu” (Mk 9, 7‑8). Il‑kelma ħerqana tal‑Missier hija stedina biex nagħrfu f’Ġesù l‑Iben il‑waħdieni u l‑Iben il‑għażiż ta’ Alla. Imma hija stedina wkoll biex nisimgħu l‑kelma ta’ Ġesù u nippruvaw inħaddmuha fil‑ħajja tagħna. L‑Eżerċizzi tar‑Randan huma opportunità oħra biex nisimgħu l‑Kelma tal‑Mulej u t‑tifsira tagħha għalina. Aħna nħeġġukom biex tieħdu sehem f’din l‑esperjenza tal‑Kelma fil‑knejjes tagħna.

    Kultant nibirdu fil‑fidi għax ma nkunux ħadna l‑kelma ta’ Ġesù bis‑serjetà. Imma aħna u nisimgħu wkoll lill‑Appostlu Missierna jħeġġiġna biex naħfru lil xulxin u nħennu għal xulxin, biex inkunu wlied maħbuba li jimxu fl‑imħabba, aħna niftakru li msejħin biex inkunu qaddisin u bla tebgħa quddiemu fl‑imħabba (ara Ef 1, 4).

    Fit‑Trasfigurazzjoni, id‑dixxipli, meta ħarsu, ma raw lil ħadd ħlief lil Ġesù. Il‑ħarsa tagħna, aħna u nfittxu s‑sbuħija madwarna u bejnietna, insibuha tassew jekk tkun f’Ġesù, jekk aħna nilmħu lilu fil‑proxxmu tagħna, jekk aħna bejnietna nnisslu l‑preżenza tiegħu għax qalilna: “Fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm jien inkun f’nofshom” (Mt 18, 20).  

    Ejjew nitolbu biex il‑grazzja li tiġina mit‑talb u mill‑meditazzjoni tas‑sbuħija ta’ Ġesù, tinżel fir‑ruħ tagħna u timliena mhux biss bl‑imħabba għall‑proxxmu tagħna imma wkoll b’tama għall‑futur. Jalla x‑xenqa li kull bniedem għandu biex jiltaqa’ mas‑sbuħija li ma tispiċċa qatt, tissarraf f’dak kollu li hemm bżonn nagħmlu biex f’dawn il‑jiem qaddisa tar‑Randan aħna nersqu lejn il‑Mulej Ġesù, speċjalment permezz tas‑Sagrament tar‑Rikonċiljazzjoni u permezz tal‑Ewkaristija.

    Il‑Papa Emeritu Benedittu XVI kiteb hekk: “Il‑libsa l‑bajda tad‑dawl ta’ Ġesù fit‑Trasfigurazzjoni titkellem ukoll fuq il‑ġejjieni tagħna” (Ġesù ta’ Nazaret). Bis‑saħħa tal‑Magħmudija aħna lbisna d‑dawl ma’ Kristu u aħna nfusna sirna dawl. Aħna u nixxenqu biex fl‑Għid niċċelebraw il‑liturġija li tfakkarna fil‑Magħmudija tagħna u f’din il‑vokazzjoni li nkunu wlied id‑dawl, ejjew nitolbu biex fis‑soċjetà tagħna aħna l‑Insara nkunu preżenza li ġġib lil kulħadd l‑aħbar it‑tajba u l‑aħbar is‑sabiħa ta’ Ġesù.

    Nagħtukom bil‑qalb il‑barka pastorali tagħna.

    Illum, 10 ta’ Frar 2018, Solennità tal‑Appostlu Missierna San Pawl.


     Charles J. Scicluna                                                              Mario Grech

        Arċisqof ta’ Malta                                                                      Isqof ta’ Għawdex


  • L-Ittra Pastorali bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija

  •