• ***

    Direttur:          Greta Gerwig

    Atturi:              Saoirse Ronan, Laurie Metcalf, Tracy Letts, Lucas Hedges, Timothèe Chalamet, Beanie Feldstein, Stephen McKinley Henderson u Lois Smith

    Ħin tal-Film:    98 min

    Maħruġ minn KRS Reelasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       18

    Ġewwa Sacramento fl-2002, Christine McPherson, magħrufa bħala “Lady Bird”, hi studenta ġewwa l-Immaculate Heart High School. Xtaqet ħafna li tattendi kulleġġ ġewwa belt b’iktar kultura, iżda l-famija ma kenitx f’qagħda finanzjarja tajba. Ommha kienet tgħidilha li kienet ingrata.

    Lady Bird u Julie kienu ħbieb kbar u t-tnejn jidħlu fi programm teatrali fl-iskola. Hemm Lady Bird tiltaqa’ ma’ Danny O’Neill. F’qasir żmien, Lady Bird u Danny jiżviluppaw relazzjoni romantika. Fl-ikla li ssir fil-Jum ta’ Ringrazzjament, Lady Bird tippreferi li tmur tingħaqad mal-familja ta’ Danny  f’dar lussuża. Ommha xejn ma ħadet pjaċir u kienet diżappuntata ħafna. Iżda r-relazzjoni bejn Lady Bird u Danny spiċċat fix-xejn meta Lady Bird skopriet li Danny kien omosesswali. Ommha min-naħa tagħha ordnat lil Lady Bird biex tibda tagħmel xi ħaġa u ġġib ftit flus lejn id-dar.

    F’ħanut tal-kafè, hi tiltaqa’ ma’ Kyle Scheible, mużiċist żagħżugħ. Fi żmien qasir, tibda relazzjoni romantika bejniethom b’riżultat li Lady Bird tibda twarrab lil Julie. Jenna, studenta popolari fl-iskola tiġi mwissija minn Sister Sarah. Lady Bird tittrakka ma’ Jenna u biex timpressjonah tgħidilha li kienet toqgħod fejn kien jgħix Danny. Iżda Jenna malajr issir taf li ma kienx minnu u kisritha minn magħha.

    Sadanittant, Lady Bird ma tibqax tagħmel parti mill-grupp teatrali tal-iskola. Meta tiltaqa’ ma’ Danny, li kien mar ifittixha, hi tipprova tikkonslah u jgħidilha li qiegħed jagħmel ħiltu biex joħroġ mill-problema li kellu. Ir-relazzjoni ma’ Kyle xejn ma tmur tajjeb wara li jkollhom x’jaqsmu ma’ xulxin wara li dan kien qalilha li kien verġni, iżda wara ssib li ma kienx il-każ.  Lady Bird kienet għada bil-ħsieb li tapplika għall-kulleġġ barra Sacramento. Tgħid jirnexxielha taqta’ xewqitha u ssib postha f’kulleġġ  ġewwa New York. Kif tibqa’ mal-ġenituri tagħha u ma’ ħbiebha?       

    Film Amerikan, dramm – kummiedja, taħt id-direzzjoni u kitba ta’ Greta Gerwig. Film interessanti fejn jurina tfajla li qegħda tipprova ssib x’inhu l-aħjar għaliha u minħabba nuqqas ta’ maturità mhux dejjem tagħmel l-aħjar għażliet. Joħrog b’mod pożittiv is-sehem li l-iskola kattolika fejn kienet tmur kellha fuq ħajjitha.  Minħabba t-temi żviluppati bħal omosseswalità, abort, attività sesswali qabel iż-żwieġ, użu ta’ droga kif ukoll xi kliem baxx, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tmintax-il sena.