• ****

    Direttur:          Guillermo del Toro

    Atturi:              Sally Hawkins, Michael Shannon, Richard Jenkins, Octavia Spencer, Michael Stuhbarg, Doug Jones, David Hewlett u Nick Searcy

    Ħin tal-Film:    123 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       18       

    Elisa Esposito, li nstabet bħala tifla orfni b’marki ta’ feriti fuq għonqha, kienet muta u tikkomunika biss permezz tal-lingwaġġ tas-sinjali. Elisa kienet tgħix waħedha, fuq nett f’appartament fi stabbiliment taċ-ċinema. Elisa kienet taħdem bħala cleaner ġewwa laboratorju militari f’Baltimore meta id-dinja kienet fi żmien il-gwerra bierda fl-1962. L-uniċi ħbieb li kellha kien Giles, il-ġar tagħha u Zelda li kienet taħdem magħha u kienet tgħin biex tkun l-interpretu tagħha fuq ix-xogħol.

    Jum wieħed, il-faċilità fejn kienet taħdem, tirċievi kreatura f’tank kbir mimli bl-ilma li kien inqabad minn xmara fl-Amerika t’Isfel mill-Kurunell Richard Strickland. Elisa, kurjuża biex tkun taf x’kien fih it-tank, tiskopri li fih kien hemm kreatura bixra ta’ bniedem amfibju. Bil-moħbi, Elisa tibda tagħmel żjarat fejn kien jinżamm b’sigurtà kbira u ma ddumx ma tibda relazzjoni miegħu.

    Sadanittant, il-Ġeneral Frank Hoyt, biex japprofitta ruħu fit-tiġrija għall-Ispazju, jordna lil Strickland biex jagħmel dissezzjoni tal-kreatur. Xjentist, Robert Hofstetler, li kien bil-moħbi spija Sovjetiku, mingħajr suċċess jitlob li l-kreatur jżommuh ħaj biex b’hekk isir iktar studju fuqu għalkemm fl-istess waqt jirċievi ordni biex joqtol il-kreatur. Elisa issir taf x’kien il-ħsieb tal-Amerikani u għalhekk tikkonvinċi lil Giles biex jgħinha jeħilsu l-kreatur. Hoffstetler jsir jaf bil-pjan ta’ Elisa u jiddeċiedi li jgħinha. Zelda, għalkemm fil-bidu kienet kontra l-pjan, iżda wara kollox, għenet biex l-kreatura, bil-mohbi, joħorġuh mill-faċilità u jeħduh fl-apartament ta’ Elisa.  Elisa żżomm il-kreatura fil-banju, mimli bl-ilma u li fih kienet titfa’ ħafna melħ, bi pjan li meta jkun il-waqt, fi ftit ġranet oħra, teħilsu fil-kanal li kien iwassal għall-oċean.  

    Meta Strickland  jsir jaf li l-kreatur ma kienx għadu fil-faċilità, biex forsi jerġa’ jirkuprah, jinterroga lil Elisa u lil Zelda, iżda jkun kollu għal xejn għaliex it-tnejn ma jirrivelaw xejn. Sadanittant, bejn Elisa u l-kreatur tinħoloq relazzjoni ntima. X’jiġri minn hawn? Problemi ma jonqsux għal Elisa. Tgħid jinexxilha fl-aħħar teħles lil kreatur u x’effett sejjer ikollha fuq ħajjitha?

    Film Amerikan, dramm ta’ fantasija, taħt id-direzzjoni ta’ Guillermo del Toro u kitba ta’ del Toro stess u Vanessa Taylor. Minħabba li l-film fih kontenunt qawwi ta’ xeni sesswali kif ukoll kliem goff, ikun ahjar li l-film jarawh dawk li għalqu t-tmintax-il sena.