• Il-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann tħabbar li nhar it-Tnejn 19 ta’ Marzu l-pubbliku se jkun jista’ jżur il-Konkatidral bla ħlas. Waqt din l-attività, li se tibda mill-ħamsa ta’ waranofsinhar ‘il quddiem, il-viżitaturi se jkollhom l-opportunità jżuru wkoll il-gallarija interna li nfetħet għall-pubbliku għall-ewwel darba fl-istorja.

    “Permezz ta’ kultura inklussiva u aċċessibbli qegħdin noffru aktar għarfien dwar dak kollu li jagħmilna Maltin,” stqarr il-Ministru għall-Kultura Owen Bonniċi. Hu kompla jgħid li se jibqa’ jaħdem biex dawn l-avvenimenti dejjem jibqgħu jsiru u kemm jista’ jkun jiżdiedu. “Bħala Malti nemmen li għandna nkomplu nesponu l-istorja tant rikka ta’ pajjiżna u nagħmlu kultura disponibbli għal kulħadd. L-open days qed ikunu ta’ suċċess, kif ukoll huwa evidenti kemm in-nies jistennewhom u jattendu bil-ħerqa.  Fil-fatt fl-aħħar open day ta’ Heritage Malta, li saret fit-Tempji ta’ Ħal Tarxien, kien hemm aktar minn sitt elef ruħ li attendew għal din il-ġurnata. Dan qiegħed iħeġġiġna biex inkomplu niftħu aktar siti għall-pubbliku.”

    Wilfrid Buttigieg, il-President tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, spjega li dan l-aspett ġdid fir-rotta tal-viżitaturi ntlaqa’ tajjeb ħafna mill-pubbliku u minn mindu nfetħet il-gallarija jidher li n-nies qegħdin itellgħu iktar ritratti fuq il-midja soċjali ta’ din il-veduta spettakolari tal-Konkatidral. Buttigieg kompla jgħid li: “L-għan tagħna bħala Fondazzjoni huwa li iktar Maltin u Għawdxin igawdu u japprezzaw dan il-ġojjell nazzjonali. Il-Fondazzjoni bdiet proċess ta’ djalogu u ta’ ħidma id f’id ma’ entitajiet oħrajn lokali bħal Heritage Malta biex permezz ta’ kollaborazzjoni u ħidma konġunta jissaħħaħ il-prodott kulturali Malti.”

    Cynthia de Giorgio, il-kuratur tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, spjegat il-funzjoni tal-gallerija: “Li tgħaqqad u tagħti aċċess minn ġewwa għall-kampnari u li ġiet irranġata flimkien mal-bieb prinċipali fi żmien il-Gran Mastru Nicolò Cotoner”.

    Noel Zammit, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, ħabbar inizjattivi oħra li ser jibbenifika minnhom il-poplu Malti u Għawdxi. “Qegħdin nippromwovu ġurnata kulturali flimkien, nhar it-Tnejn 19 ta’ Marzu li ġej, fejn il-pubbliku Malti jista’ jżur żewg siti ta’ Heritage Malta; id-Domus Romana u l-Katakombi ta’ San Pawl, it-tnejn fir-Rabat u bla ħlas minn filgħodu sa waranofsinhar u mill-ħamsa sad-disgħa ta’ filgħaxija jżur il-Konkatidral,” qal Zammit.

    Michael Pace Ross, is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, faħħar il-mudell amministrattiv ta’ kollaborazzjoni bejn l-Istat u l-Knisja permezz tal-Fondazzjoni. Is-Sur Pace Ross qal li l-Arċidjoċesi qed taħdem mal-awtoritajiet biex tippromwovi t-turiżmu reliġjuż, u l-ftuħ tal-gallarija interna tal-Konkatidral żgur se jwessa’ l-esperjenza tat-turisti li jżuru dan it-tempju.  L-Arċidjoċesi tħeġġeġ lill-Maltin biex huma wkoll iżuru l-Konkatidral ta’ San Ġwann fid-19 ta’ Marzu.

  • Ritratti: Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann